Futbol Sport

Klopp akkużat mill-FA Ingliża wara ċ-ċelebrazzjoni fir-rebħa kontra Everton

(Ritratt: EPA)

Il-manager ta’ Liverpool Jurgen Klopp kien akkużat mill-FA Ingliża b’kondotta ħażina wara li ġera fil-pitch wara li t-tim tiegħu skorja l-gowl tar-rebħa fis-96 minuta fid-derby ta’ Merseyside kontra Everton f’Anfield.

Klopp ġera u għannaq lill-gowlkiper Alisson Becker wara l-gowl pjuttost stramb ta’ Divock Origi lejn it-tmiem. Liverpool rebħu 1-0 biex reġgħu jinsabu żewġ punti taħt il-leaders Manchester City.

Klopp li wara l-logħba talab apoloġija għandu sal-Ħamis biex jirrispondi. Il-Ġermaniż qal f’intervista wara l-logħba li ma riedx juri nuqqas ta’ rispett iżda qal li ma setax iżomm lilu nnifsu.

Il-manager ta’ Everton Marco Silva qal li ma kellu l-ebda problema bl-azzjonijiet ta’ Klopp. Hu żied li ma rax ir-reazzjoni ta’ Klopp u żied li kieku skorjaw u kien daqshekk fortunat jaf kien jagħmel l-istess.