L-Ingilterra se tkun qed tilgħab kontra l-Olanda filwaqt li l-Portugall taffronta lill-Iżvizzera fis-semifinali tal-UEFA Nations League li se jsiru fil-bidu ta’ Ġunju. Il-Portugiżi jilagħbu fil-5 ta’ Ġunju f’Estadio do Dragao li fih normalment jilagħbu Porto, bl-Ingilterra tilgħab l-għada f’Estadio D’Afonso Henriques fi Guimaraes. Il-finali tintlagħab fid-9 ta’ Ġunju.
Ir-rebbieħ tal-ewwel edizzjoni tal-UEFA Nations League jirċievi madwar €7.5 miljuni filwaqt li min jispiċċa r-raba’ jdaħħal madwar €4.5 miljuni.
Tlieta mill-erba’ semifinalisti għaddew b’mod drammatiku għal din il-fażi b’eċċezzjoni tal-Portugall li kienet għamlet ċert mill-ewwel post minn logħba qabel, fi grupp li kien fih l-Italja u l-Polonja.
L-Ingilterra bidlet il-pożizzjoni fil-klassifika tliet darbiet fi kwarta. Minn telfa f’Wembley li fissret relegazzjoni għal Diviżjoni B, għad-draw ta’ Jesse Lingard li biha telgħu fit-tieni post, biex il-gowl ta’ Harry Kane rebbaħ lit-tim ta’ Southgate l-grupp.
L-Olanda wkoll kellha bżonn gowl lejn it-tmiem biex rebħet il-grupp li kien jinvolvi lil Franza u l-Ġermanja. Kien gowl ta’ Virgil van Dijk li bih huma ġabu d-draw kontra l-Ġermanja u spiċċaw qabel Franza b’differenza tal-gowls u konfront dirett aħjar.
L-Iżvizzera hi forsi l-akbar sorpriża mill-erba’ nazzjonijiet kwalifikati. Huma rebħu 5-2 kontra l-Belġju f’logħba li kellhom jirkupraw minn żewġ gowls minn taħt.
//= $special ?>