Napoli reġgħu jinsabu waħedhom fit-tieni post fil-klassifika tliet punti fuq Inter u tmien punti taħt Juventus, meta b’diffikultà għelbu lil Atalanta 2-1 fi Stadio Atleti Azzurri d’Italia.
It-tim ta’ Ancelotti kellu bidu mill-aqwa hekk kif fetħu l-iskor wara biss żewġ minuti bi kross fil-baxx preċiż mil-lemin ta’ Lorenzo Insigne lejn FABIAN RUIZ li b’xutt b’saħħtu fuq il-ġirja għeleb lil Etrit Berisha. Napoli għal ftit ma rduppjawx fit-23 minuta b’Insigne jegħleb lil Berisha iżda ġie mċaħħad mil-lasta.
Atalanta tjiebu fit-tieni taqsima u meritatament ġabu d-draw fis-56 minuta. Kienet azzjoni ta’ Robin Gosens mil-linja xellugija, il-ballun spiċċa għand Emiliano Rigoni li xxuttja ħażin iżda spiċċa fid-direzzjoni ta’ Hans Hateboer li bir-ras għadda lejn DUVAN ZAPATA li mill-viċin għeleb lil David Ospina.
Carlo Ancelotti għamel tliet bidliet biex jipprova jkun aktar perikoluż, bl-aħħar sostituzzjoni tkun fil-81 minuta b’Milik jidħol flok Dries Mertens. Kien proprju l-istess ARKADIUSZ MILIK li skorja l-gowl tar-rebħa ħames minuti wara, hekk kif irċieva kross mix-xellug ta’ Mario Rui, ikkontrolla u b’kordinazzjoni ġusta għeleb lil Berisha b’xutt bix-xellug.
Minuta wara saħansitra Insigne mar qrib it-tielet gowl iżda kien imċaħħad tajjeb minn Berisha. It-tisfira finali fissret li Atalanta sofrew it-tieni telfa konsekuttiva u baqgħu fil-11-il post bi 18-il punt.
//= $special ?>