Luka Modric rebaħ il-Ballun tad-Deheb għall-ewwel darba fil-karriera meta għeleb l-isfida ta’ Cristiano Ronaldo u Antoine Griezmann. Din kienet l-ewwel darba wara 10 snin li l-unur ma ntrebaħx minn Ronaldo jew Lionel Messi. L-Arġentin ta’ Barcelona kellu jikkuntentaw bil-ħames post li hu l-agħar riżultat għalihom mill-2006, f’dan l-unur organizzat minn France Football. Modric kien irċieva wkoll tal-aqwa plejer tal-FIFA f’Settembru.
Fl-2018, Modric rebaħ il-UEFA Champions League għat-tielet darba konsekuttiva ma’ Real Madrid u mexxa lit-tim nazzjonali tal-Kroazja għall-ewwel finali fit-Tazza tad-Dinja fejn kienu megħluba 4-2 minn Franza. Minbarra d-diżappunt għal Messi, diżappunt ukoll għal Neymar li wara li s-sena l-oħra spiċċa fit-tielet post, din id-darba niżel fit-12-il post.
“Hi emozzjoni inspjegabbli. Hu ta’ pjaċirkbir li nkun hawn fost dawn il-plejers kollha. Għadni qed nirrealizza li dħalt fi grupp magħmul minn plejers eċċezzjonali li rebħu l-Ballun tad-Deheb fl-istorja,” qal Modric.
Il-midfielder ta’ 33 sena li sar l-ewwel Kroat li rebaħ dan l-unur, iddeskriva lil Ronaldo u Messi bħala plejers fenomenali, u qal li l-fatt li rebaħ ifisser li għamel xi ħaġa speċjali u għalhekk iqis li l-istaġun 2017/2018 kienet is-sena tiegħu.
Modric li beda l-karriera ma’ Dinamo Zagreb u lagħab ukoll ma’ Tottenham Hotspur, irringrazzja lill-ġenituri tiegħu tas-sagrifiċċji li għamlu biex isir professjonali. “Fil-karriera rrealizzajt li x-xogħol iebes u l-persistenza f’mumenti diffiċli huma l-pedament biex turi t-talent tiegħek. Frażi waħda nixtieq ngħid; L-aqwa affarijiet qatt ma jiġu faċli. Għalija biex ksibt dan kollu ma kienx faċli,” temm Modric.
L-attakkant ta’ Olympique Lyon u n-Norveġja ta’ 23 sena Ada Hegerberg rebħet l-ewwel edizzjoni tal-Ballun tad-Deheb tan-nisa. Kylian Mbappe fl-età ta’ 19-il sena sar l-ewwel rebbieħ tat-Trofew Kopa li jingħata lill-aqwa plejer ta’ taħt il-21 sena.
L-ewwel għaxar plejers
1. Luka Modric (Real Madrid u Kroazja)
2. Cristiano Ronaldo (Juventus u Portugall)
3. Antoine Griezmann (Atletico Madrid u Franza)
4. Kylian Mbappe (PSG u Franza)
5. Lionel Messi (Barcelona u Arġentina)
6. Mohamed Salah (Liverpool u Eġittu)
7. Raphael Varane (Real Madrid u Franza)
8. Eden Hazard (Chelsea u Belġju)
9. Kevin de Bruyne (Man City u Belġju
10. Harry Kane (Tottenham u Ingilterra)
//= $special ?>