Edukazzjoni Lokali

Studenti tal-MCAST jilmentaw li għadhom bla stipendju

Numru ta’ studenti tal-MCAST qed jilmentaw ma’ Net News dwar kif studenti mill-Istituti tad-Disinn u l-Arti għadhom ma rċievex la l-istipendju u lanqas il-grant tal-bidu tas-sena skolastika, li tgħin b’mod sostanzjali fl-ispiża tal-istudenti biex ikomplu jistudjaw.

Informazzjoni li waslet għand dan is-sit turi li kien hemm taħwid u nuqqas anki fil-proċess tal-applikazzjonijiet, dan hekk kif ħafna kienu qed jirċievu emails li l-applikazzjoni ma bdietx tiġi proċessata jew li mhux ikkonfermata.

L-istess studenti qalulna li mhux sew fuqhom li għadhom ma rċevewx l-istipendju għax ħafna mill-korsijiet jirrikjedu ħafna flus minħabba x-xiri tal-apparat. Huma qalu li mhux kulħadd jiflaħ jixtri l-apparat mingħajr l-istipendju, speċjalment dawk li għandhom problemi finanzjarji.

L-istudenti appellaw biex din il-problema tirrisolva ruħha malajr, dan sabiex huma jkunu jistgħu jkomplu jistudjaw mingħajr problemi u nuqqas ta’ affarjiet li huma utli għall-kors tagħhom.