Futbol Sport

Tarxien Rainbows ma jfallux u jgħaddu għar-raba’ rawnd tal-FA Trophy

(Ritratt: Matthew Tabone)

VITTORIOSA S ……………. 0   TARXIEN R. ………….. …….. 3

Vittoriosa: C. Cassar, C. Spiteri, R. Previ, E. Mbong, G. Sultana (A. Cilia Mumford 61’), J. Ogunnupe (J.C. Cesare 78’), J. Briffa, P. Papadakis, N. Ojuola, M. De Sousa Diaz, T. Abela Wilson (J. Pace 69’)

Tarxien: A. Cassar, M. Botta, J. Wemmer (J. De Paixao 75’), D. Zerafa, M. Paolucci, G. Aquilina (A. Nilsson 67’), A. Agius (M. Spiteri 83’), L. Grech, A. Scicluna, A. De Barros, R. Faria

Imwissija: C. Spiteri 40’ (V), R. Faria 64’, D. Zerafa 70’ (T)

Skorjaw: R. Silva Faria 17’, A. Scicluna 45’, M. Paolucci 52’ pen (T)

Referee: Emanuel Grech

Assistenti Referees: Duncan Sultana, James Muscat

Bir-rebħa ta’ Tarxien fuq Vittoriosa ntemmet kull tama li jkun hemm xi sorpriża fit-tielet rawnd tal-FA Trophy. Tarxien rebħu meritatament, iżda mertu kbir irid imur għal Vittoriosa li taw wirja verament tajba fejn għal diversi ħinijiet anki qasmu l-logħob mal-avversarji.

Iżda fil-mumenti deċiżivi tal-logħba l-esperjenza u s-superjorità teknika tar-Rainbows spikkat u hemm inkisbet il-kwalifikazzjoni. Vittoriosa ssorprendew fl-ewwel minuti fejn bl-aggressività ħolqu mumenti diffiċli lid-difiża ta’ Tarxien. Mbong u Ogunnupe kienu ferm attivi u l-gowlkiper ta’ Tarxien Cassar ħtieġlu joħroġ f’saqajn Ogunnupe fl-ewwel minuti biex evita l-periklu.

Fl-ewwel azzjoni tagħhom Tarxien marru minn fuq fis-17-il minuta. Azzjoni tajba bejn Wemmer u Andrew Agius li qassam lejn RICARDO FARIA li b’xutt sabiħ bid-dawra xeħet il-ballun fir-rokna ta’ fuq tax-xibka.

Risposta ta’ Vittoriosa fil-25 minuta b’azzjoni mibdija minn Mbong li qassam lejn Ogunnupe li minn qagħda tajba xeħet ftit barra b’xutt fil-baxx. Tliet minuti wara Vittoriosa ferm viċin il-gowl tad-draw meta wara taħwida quddiem il-lasta x-xutt mill-viċin ta’ Ogunnupe kien salvat mirakolożament minn Andrea Cassar.

Fit-42 minuta azzjoni personali ta’ Ogunnupe u xutt b’saħħtu li kien salvat bi bravura minn Cassar. Eżatt qabel l-intervall xutt fil-baxx ta’ Faria destinat għar-rokna kien salvat b’diffikultà minn Christian Cassar u fil-ħin miżjud tal-ewwel taqsima Tarxien irduppjaw meta minn kross mil-lemin il-gowlkiper ma żammx il-ballun u ANDRÈ SCICLUNA ma kellux diffikultà jixħet il-ballun fix-xibka.

Seba’ minuti mill-ftuħ tat-tieni taqsimaTarxien ngħataw penalty meta Paolucci twaqqa’ fil-kaxxa minn Jesmar Briffa u mill-11-il metru kien l-istess MICHELE PAOLUCCI li skorja b’xutt b’saħħtu.

Wara dan il-gowl il-logħba tilfet ħafna mill-interess anki jekk Vittoriosa kellhom xi opportunitajiet fejn jiskorjaw gowl ta’ konsolazzjoni, gowl li kien ikun wieħed mistħoqq ukoll. Fl-aħħar azzjoni kien Alexander Nilsson li mill-viċin falla ċ-ċans li jiskorja r-raba’ gowl tar-Rainbows.