Lokali

It-tifla ta’ Mintoff titkellem dwar il-faqar f’Malta

Wieħed ma jirrealizzax kemm hu faċli li persuna jew familja tispiċċa fil-faqar – bhal meta omm ta’ tliet itfal jitlaqha r-raġel…. jew missier jimrad u se jkollu jieqaf mix-xogħol….b’konsegwenza ta’ ċirkostanzi mhux previsti. Dawn huma biss ftit sitwazzjonijiet ta’ ħajja reali li qed jgħixu n-nies f’pajjiżna.

Hekk sostniet Anna McKenna, it-tifla tal-eks Prim Ministru Duminku Mintoff, f’artiklu f’The Sunday Times of Malta. McKenna hija membru fuq il-Bord tal-Foodbank Lifeline Foundation; fondazzjoni li tipprovdi ikel lil min ikun fil-bżonn.

Matul Ottubru l-Fondazzjoni pprovdiet ikel għal aktar minn 300 familja. Bħala medja, matul is-sena li għaddiet, huma taw ikel lil madwar 1,300 individwu kull xahar bil-maġġoranza jkunu Maltin.

Fost dawn hemm familji li jgħixu f’garaxxijiet, koppji anzjani b’pensjoni biss bħala dħul, u oħrajn li qed jitħabtu mal-ħajja minħabba ċirkostanzi differenti.

Dan kollu qed iseħħ fid-dawl ta’ statistika ppubblikata mill-Uffiċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO), fejn aktar minn 72,000 persuna qed jgħixu b’paga tant baxxa li tagħmilhom parti mill-faxxa ta’ nies li qed jgħixu f’riskju ta’ faqar.

Fil-ġimgħat u x-xhur li għaddew, NET News irraporta diversi stejjer reali ta’ nies li mhux biss qed jgħixu f’riskju ta’ faqar, iżda li saħansitra spiċċaw jgħixu fil-faqar u xi kultant saħansitra mingħajr saqaf fuq rashom.