Futbol Sport

Cesar Azpilicueta jġedded il-kuntratt ma’ Chelsea

(Ritratt: EPA)

Cesar Azpilicueta ffirma kuntratt ġdid ta’ erba’ snin ma’ Chelsea li se jżommu jilgħab f’Stamford Bridge. Chelsea ħabbru l-ftehim ilbieraħ filgħodu li l-internazzjonali Spanjol ikkommetta l-futur tiegħu sal-2022. F’dan l-istaġun, Azpilicueta qed ikun il-captain tat-tim minħabba li Gary Cahill qed ikun fuq il-bank tas-sostituti.

Id-difensur ta’ 29 sena ngħaqad ma’ Chelsea mingħand Olymique Marseille fis-sajf tal-2012 għal kważi €8 miljuni. Hu lagħab 298 logħba mal-klabb u kien regolari taħt diversi managers kif ukoll f’dan l-istaġun taħt it-tmexxija ta’ Maurizio Sarri.

Wara li ffirma l-kuntratt, Azpilicueta qal li jrid iżomm l-isem ta’ Chelsea fejn jixraqlu. Hu żied li meta ngħaqad magħhom, ħass il-pjaċir u r-responsabbiltà li jilgħab għall-klabb u l-partitarji u saħaq li kull darba li jilgħab jipprova jagħti l-aħjar tiegħu.

Id-direttur ta’ Chelsea Marina Granovskaia qalet li Azpilicueta wera li kien akkwist fantastiku matul dawn is-sitt snin. Hi faħħret il-professjonaliżmu u l-konsistenza u kompliet li żviluppa f’wieħed mill-aktar plejers influwenti fl-iskwadra. Hi kompliet li l-kuntratt il-ġdid se jieħu lid-difensur għal għaxar staġuni ma’ Chelsea u jittamaw li fl-erba’ snin li ġejjin ikun parti importanti mis-suċċess tal-klabb.