Internazzjonali

George HW Bush: Żjara ta’ qima mill-President Trump qabel il-funeral f’Washington

Il-President tal-Istati Uniti Donald Trump u martu Malania marru fil-US Capitol ta’ Washington biex isellmu lil-eks President Amerikan George W Bush, li t-tebut tiegħu qed jinżamm hemmhekk bil-għan li n-nies jesprimu rispett u qima għas-servizzi ta’ Bush lill-pajjiż.

Donald Trump ta s-salut lil Bush fir-‘Rotunda’ ta’ dan il-bini li llum hu miftuħ għaż-żjarat tal-pubbliku Amerikan li wkoll qiegħed isellem lill-memorja ta’ dan l-eks President li miet nhar il-Ġimgħa fl-età ta’ 94 sena.

Għalkemm Trump, fil-passat, kellu xi kwistjonijiet mal-familja ta’ Bush, hu se jattendi għall-funeral tal-eks-President li jsir għada, l-Erbgħa.

Id-difna ta’ George HW Bush, imbagħad, issir il-Ħamis, f’College Station, fl-Istat ta’ Texas fejn hu kien trabba, u meta għandu jindifen maġenb martu, Barbara u binthom, Robin.

Il-funeral tal-eks President se jsir fil-Katidral Nazzjonali ta’ Washington, bin-nies se jattendu fuq bażi ta’ stedina esklusiva.Filwaqt li hu kkonfermat li Donald Trump se jkun preżenti, flimkien ma’ Martu, hu mgħandux jagħmel xi diskors waqt il-funeral.

Fis-sigħat preċedenti, it-tebut ta’ Bush kien twassal lejn Washington minn Texas permezz tal-ajruplan tal-Presidenza ‘Air Force One’ – bl-isem tal-ajruplan jinbidel temporanjament għal ‘Special Air Mission 41’ b’rispett għall-eks President tal-Istati Uniti.

George HW Bush kien il-41 President Amerikan bejn l-1989 u l-1993 u fl-aħħar xhur ta’ ħajtu kien qed jingħata trattament għal forma tal-marda Parkinson’s. Kien proprju f’April ta’ din is-sena li Bush kien iddaħħal l-isptar fejn instab li kien qed isofri minn infezzjoni fid-demm.

Fil-bidu tal-ġimgħa, numru ta’ personalitajiet distinti marru f’Washington biex jonoraw lil George HW Bush għad-dedikazzjoni tiegħu lil pajjiżu li estendiet għal tliet-kwarti ta’ seklu – mit-Tieni Gwerra Dinjija sal-aħħar snin tiegħu bħala protagonista għall-proġetti ta’ fejda mill-voluntiera u għall-għajnuna lin-nies li jitilfu djarhom b’konsegwenza ta’ diżastri naturali.