Lokali Parlament

Gvern li kisser ir-reputazzjoni ta’ Malta; issa missejna l-qiegħ

Id-deputati Nazzjonalisti Mario de Marco, Jason Azzopardi, Simon Busutti, Ryan Callus u Kristy Debono sostnew fil-parlament li l-Gvern Laburista kisser għal kollox ir-reputazzjoni internazzjonali ta’ Malta bl-iskandli kontinwi ta’ ħasil tal-flus tant li issa l-pajjiż miss il-qiegħ.

Il-liġijiet kontra l-ħasil tal-flus għandhom ikunu prattikati


– Mario de Marco, PN

Id-deputat Nazzjonalista Mario de Marco qal li l-liġi hi tajba biss meta tkun prattikata. Fil-qasam tal-ħasil tal-flus dan il-gvern falla bil-kbir. F’Mejju 201 il-gvern daħħal liġi biex ineħħi l-preskrizzjoni fuq il-politiċi iżda fl-istess waqt Keith Schembri u Konrad Mizzi kienu qed jiftħu kumpaniji sigrieti biex fihom jidħlu flus mill-commissions. Minkejja dan u minkejja l-kumpanija 17 Black, dawn iż-żewġ persuni baqgħu jżommu posthom mal-gvern.

Mhux biss dawn ma kinux proċessati iżda għadhom iżommu posthom. Il-gevrn jinħeba meta jiġi biex jagħmel liġi; kif għamel il-Kummissarju tak-Pulizija u l-Avukat Ġenerali. Il-ġustizzja qed titpoġġa fperiklu. Hu semma’ diversi każi ta’ korruzzjoni fosthom dak tal-canvasser tal-Ministru Evarist Bartolo u l-fatt li l-Ministru tal-Finanzi m’għandu l-ebda opinjoni dwar l-iskandlu ta’ 17 Black.

Mario de Marco kompla li l-FIAU ħajjew rapporti li kkonkludew li kien hemm ħasil ta’ flus bl-involviment ta’ Keith Schembri u Konrad Mizzi. Quddiem din is-istwazzjoni l-persuna li kienet qed tinvestiga tkeċċiet. X’jiswa li l-parlament qed jagħmel l-liġijiet kontra l-korruzzjoni meta l-Gvern ma jieħux il-passi neċessarji?

Illum l-aktar persuna li għandha poter wara l-Prim Ministru qed tkun investigata fuq ħasil ta’ flus iżda tħalliet hemm teżerċita influwenza fuq awtoritajiet li jridu jinvestigawha. Transparency International kkritikat bl-aħrax lil dan il-gvern dwar ħasil ta’ flus.

Hu appella lill-Ministru Scicluna biex jgħid jekk kellux involviment fit-tkeċċija ta’ Jonathan Ferris mill-FIAU, jekk kienx jaf, meta kien jaf u jekk kinx konsultat dwar din it-tkeċċija.

Roadmap ta’ korruzzjoni sa minn qabel il-PL rebaħ l-elezzjoni

– Jason Azzopardi, PN

Id-deputat Nazzjonalista fakkar kemm il-Prim Ministru kien jgħid li min ma jiġġildix il-korruzzjoni hu korrott. Hu qal l li qed issir ħsara kbira lir-reputazzjoni tal-pajjiż. Fit-13 ta’ Marzu 2013 Konrad Mizzi sar Ministru tal-Enerġija u Keith Schembri sar Cheif of Staff. L-għada, Karl Cini bagħat email lil Mossack Fonseca biex jinfetħu kumpaniji fil-Pamana u trust.

In-Nexia BT hi propjeta ta’ Brian Tonna, li hu viċin il-Prim Ministru u l-Gvern u ngħata mijiet ta’ eluf ta’ ewors f’direct orders. Hu semma’ kif infetħu tliet kumpaniji; ta’ Keith Schembri u Adrian Hillman u li dawn jinħbew wara nominee shareholders.

Kienu anki immarkati l-kaxxi li jgħidu biex ma jsirx awditjar u biex jinżammu f’segretezza u biex l-informazzjoni ma tingħata lil ħadd f’Malta. Fl-istess ġimgħa Nexia BT irreġistrat kumpanija oħra Torebrigde fil-British Virgin Islands. Fil-21 ta’ April 2013 John Rizzo tneħħa minn Kummissarju tal-Pulizija. F’Mejju 2013 Mossack Fonseca fetħu l-uffiċċju f’Malta flimkien ma’ Nexia BT. Socar, Gasol u grupp ta’ investituri Maltin rebħu l-kuntratt tal-power station u f’Malta kienet reġistrata l-kumpanija li topera l-power station.

Shangai Electric xtrat il-power station tal-BWSC u f’Diċembru 2014 Joseph Muscat iżur l-Ażerbajġan fejn ma ħa l-ebda ġurnalist jew uffiċjali pubbliku. Huma iffirmaw ftehim għax-xiri tal-fuel mingħajr ħadd ma kien preżenti. Fi Frar 2015 kien pubblikat il-Kodiċi tal-Etika l-ġdid fejn neħħa l-obbligu li jkun dikjarata l-assi tal-ministru. Bl-indħil tal-Ministru Konrad Mizzi l-Enemalta tilfet €14-il miljun mill-ftehim mas-SOCAR.

F’Ġunju 2015, Konrad Mizzi ffirma dikjarazzjoni lil Nexia BT li Harnville se tieħu ħsieb it-transazzjonijiet tiegħu finalizzata minna ssir fin-negozju. F’Lulju 2015 Harnville ta’ Konrad Mizzi kienet trasferita fi trust fi New Zealand fl-istess jum li Gasol tbiegħ l-ishma fl-Electrogas lill-kumplament tal-konsorzju għal għexieren ta’ miljuni ta’ ewros. L-Awditur Ġenerali jispeċifika li l-Gasol kienu is-sieħeb ewlieni u li ma kinx hemm bżonnu għax kien fallut.

Sadattant il-Pilatus Bank ħa l-liċenzja biex jopera f’Malta. Nexia BT għamel ruxxmata tentattivi biex jinfetħu kontijiet. Karl Cini kkonferma li għandu l-konferma ta’ Keith Schembri u Konrad Mizzi biex jinfetħu l-kontijiet fil-Panama għal €1 miljun fis-sena. Mossack Fonseca sabu problema biex jiftħu l-kontijiet. Il-Ministru Mizzi ħeba l-fatt dwar il-kumpaniji sigrieti u aktar tard sar magħruf li Keith Schembri wkoll għandu trust fi New Zealand.

Jason Azzopardi semma’ r-riżenji ta’ Michael Casssar minn Kummissarju tal-Pulizija u Manfred Galdes minn Direttur tal-FIAU u qal li l-aħħar rivelazzjonijiet juru kemm l-affarijiet jagħmlu sens. Din kienet roadmap ċara sa minn qabel l-2013 biex jixxaħħmu bil-korruzzjoni. Il-korruzzjoni ta’ żmien Lorry Sant illum saret dnub żgħir tal-abbatini.

Il-liġijiet m’humiex l-istess għal kulħadd

– Simon Busuttil, PN

Id-deputat Nazzjonalista Simon Busuttil qal li l-liġi m’għadhiex tgħodd għal kulħadd fejn il-pulizija mhix tieħu passi kontra Konrad Mizzi u Keith Schembri u sostna li l-liġijiet iridu jkunu jgħoddu għal kulħadd għaliex il-poplu llum qed jgħix inġustizzja minħabba li l-liġi mhix tkun applikata għal kulħadd. Hu qal li l-Imħallef Giovanni Grixti kien assenjat mill-Prim Imħallef biex jiddeċiedi l-appell dwar Panama Papaers.

It-talba li hu għamel biex tinfetaħ inkjesta dwar Panama Papers qed issib l-oppożizzjoni u l-ostakoli tal-Prim Ministru biex din l-istess inkjesta ma tibdiex. Il-Prim Ministru ma jridx li l-inkjesta tibda u l-Prim Ministru għadu biċ-ċans li jkun irtirat l-appell. Hemm baħar jaqsam bejn dak li jgħid il-Prim Ministru u dak li jagħmel. Fil-każi ta’ Keith Schembri u Konrad Mizzi hemm ir-responsabbiltà politika u dik kriminali.

Hu qal li għandu konvinzjoni li l-flus li kellhom jgħaddu fil-korruzzjoni xorta nstab mezz kif dawn jgħaddu. Meta tinkixef biċċa jkun hemm ħafna iktar korruzzjoni biex tinkixef. Għadna ma nafux l-istampa kollha dwar dak li hu għaddej. L-Awditur Ġenerali għamel rapport li fih juri l-ħniżrijiet li sar biex ingħażlet il-power station.

Simon Busuttil qal li l-pajjiż qed iħallas id-doppju għall-enerġija u qal li qed ikun il-poplu li qed iħallas lill-Electrogas. Il-gvern raħħas biċċa żgħir lill-konsumatur iżda ħadu biċċa kbira fil-but tagħom. Issa l-korruzzjoni tinsab fil-miftuħ. Jonqos biss li l-liġi fil-pajjiż tkun għodd l-istess għal kulħadd u li l-liġijiet ma jsirux għalxejn.

Il-power station hiu magna tal-ħasil tal-flus

– Ryan Callus, PN

Id-deputat Nazzjonalista Ryan Callus qal li din il-liġi hi obbligu tal-gvern mill-UE biex din id-direttiva li kompla li l-power station hu magna tal-ħasil tal-flus. Il-gvern qed jipprova jdawwar kundanna tal-Awdirut Ġenerali b’xi ħaġa pożittiva. Il-kontijiet huam ferm ogħla milli dak ġust propju minħabba l-korruzzjoni fejn in-nies qed jinsterqu.

Ryan Callus semma’ l-mozzjoni ta’ Chris Said biex dak kollu li qalet Daphne Caruana Galizia jkun investigat u qal li l-Oppożizzjoni kienet ivvutat favur iżda l-Gvern beża’ u ivvota kontra din il-mozzjoni. Il-pożizzjoni ta’ Keith Schembri u Konrad Mizzi m’għadhiex tenibbli u la darba dawn m’aċċettawx li jerfgħu r-repsonsabbilta politika għandu jkun il-Prim Ministru li jkollu jerfa’ din ir-responsabbiltà.

Il-poplu Malti qed jinsteraq €200 miljun fis-sena; flus li bihom il-pajjiż kien jgħin lill-familji fil-bżonn. Il-gvern qed jagħmel biss xi ħaġa nofs kedda għaliex il-liġi mhux se tkun implimentata.

Hu semma’ l-fltehim dwar il-bejgħ tal-ispartijiet, l-AUM, l-€14-il miljun għax-xiri tal-fuel u l-€40 li xi ħadd ħa mid-deal tas-SOCAR. It-tradituri tal-pajjiż huma dawk li huma korrotti, sostna Ryan Callus, li semma’ l-każ ta’ Jimmy Magro fejn il-Kummissjoni Kontra l-Korruzzjoni qalet li kienet moralment konvinta li kien talab flus biex ikun jista’ jagħti offerta lil xi ħadd.

Għaddew sentejn u l-investigazzjonijiet ma rriżultaw xejn u ma ttieħdux azzjonijiet. Gvern Laburista kisser ir-reputazzjoni ta’ Malta, sostna Ryan Callus, li semma’ l-Pilatus Bank u s-Sata Bank li ngħataw il-liċenzja taħt Gvern Laburista.

Il-Gvern qed jagħmel biss l-inqas possibbli impost mill-UE

– Kristy Debono, PN

Id-deputat Nazzjonalista Kristy debono qalet l-gvern għandu jimplimenta d-direttivi kollha biex il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus tkun effettiva u tinħass b’mod konkret. Jeħtieġ li jkunu allokati iktar riżorsi kontra l-ħasil tal-flus. Il-focus għandu jkun biex titnaqqas it-theddida u biex il-gvern ikun iffukat li jiġġieled il-kriminalità. Dawn l-emendi iffukaw l-aktar fuq it-terroriżmu.

Hi qalet li din hi opportunità mitlufa għaliex il-gvern seta’ jagħmel ferm iktar mill-aspett tal-ħasil tal-flus. Hu inutli li ssir id-diskussjoni meta r-realtà hi waħda li l-pajjiż kuljum qed jirriskja wħud mis-setturi għall-pajjiż.

Id-deputat Nazzjonalista kompliet li Malta qed tkun kritikata għall-mod laxk kif il-pajjiż mhux jiġġieled bis-serjetà l-ħasil tal-flus. Hi sostniet li 10 snin ilu Malta kienet tissemma’ li flimkien mal-Ġermanja kienet il-miraklu ekonomiku waqt li llum Malta tissemma’ għall-bejgħ tal-passaporti u għall-mod kif qed tonqos fuq id-due diligence.

Kristy Debono kompliet li Malta qed tidher pajjiż li taċċetta negozju maħmuġ u kriminal fejn il-pajjiż hu faċli biex taħsel il-flus fih. Malta tilfet ir-reputazzjoni internazzjonali u rridu nibdew mill-qiegħ biex nerġgħu nirrestawraw is-sitwazzjoni, sostniet Kristy Debono, li qalet li l-aħħar sena kienet waħda li fiha saret ħsara kbira lill-pajiż.

Id-deputat Nazzjonalista semmiet dak li seħħ fl-aħħar sena li fihom Malta ngħatat reputazzjoni negattiva internazzjonalment fosthom bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, il-Panama Papers u l-bejgħ taċ-ċittadinanza. Hi trattat ukoll l-arrest taċ-Chairman tal-Pilatus Bank fejn l-MFSA damet xhur biex ħadet azzjoni u l-fatt li l-Ministru Scicluna ngħata twissja li Malta se tkun black listed mill-OECD minħabba l-bejgħ tal-passaporti.

Kristy Debono appellat biex Malta tkun iktar dixxiplinata u sosniet li dawn il-liġijiet huma l-inqas possibbli li l-UE qed timponi fuq il-pajjiż.