Futbol Sport

Jurgen Klopp jaċċetta l-akkuża tal-FA Ingliża u jħallas il-multa

(Ritratt: EPA)

Il-manager ta’ Liverpool Jurgen Klopp qal li ma għandux problema li jieħu l-multa ta’ kważi €9,000 wara li aċċetta l-akkuża tal-FA Ingliża minħabba kondotta mhux xierqa fiċ-ċelebrazzjonijiet fid-derby ta’ Merseyside.

Klopp daħal fil-pitch u ġera lejn iċ-ċirku tan-nofs f’Anfield wara li Divock Origi skorja l-gowl tar-rebħa fl-aħħar sekondi tal-logħba li tat rebħa drammatika lil Liverpool fuq Everton. Mistoqsi dwar din l-akkuża, Klopp qal li ma għandux problemi u jaħseb li hi normali minħabba li ma setax jevitaha.

“L-aħħar darba li għamiltha kienet madwar 14-il sena ilu. F’14-il sena probabbilment ma għadnix veloċi daqshekk. Ma għandix problema li nħallas multa. Kollha niżbaljaw, normalment nitgħallem minnhom, tal-anqas għal perjodu twil. Mhux se terġa’ tiġri daqshekk fil-viċin.”

Il-Ġermaniż żied li ma kienx żball kbir iżda qal li ma kienx hemm regola li tmur kontriha, kieku l-managers b’mod kostanti  jiċċelebraw fil-pitch flimkien mal-bankina tas-sostituti kollha, u żied li kieku tkun ħaġa stramba.

Diversi managers tal-Premier League taw is-sapport għaċ-ċelebrazzjoni ta’ Klopp. Fosthom kien mistoqsi dwar din il-kwistjoni Pep Guardiola fejn qal li jifhem dak li għamel filwaqt li ammetta li hu u l-avversarji tiegħu jkollhom ħafna emozzjonijiet f’dawn il-mumenti.