Internazzjonali

L-Ukrajna: ‘Ftuħ parzjali’ tal-portijiet li jista’ itaffi l-kriżi mar-Russja

Membri tal-Gvern Ukren qalu li l-bastimenti mill-ġdid qegħdin jużaw rotta magħrufa bħala ‘Kerch Strait’ biex ibaħħru lejn żewġ portijiet ewlenin tal-Ukrajna. L-iżvilupp – jew ‘ftuħ parzjali’ tal-portijiet ta’ Mariupol u Berdyansk – seħħ disat ijiem wara inċident fuq il-baħar bejn bastimenti tar-Russja u l-Ukrajna, u fejn kien seħħ xi sparar min-naħa tar-Russi.

F’dan l-inċident, fil-25 ta’ Novembru, il-bastimenti tar-Russja kienu ħatfu priġunier lil xi 24 baħrin Ukreni, b’dan ikun ukoll l-ewwel konfront ostili bejn il-ġirien mill-2014.

Il-vapuri tal-Ukrajna kienu qabdu direzzjoni lejn Mariupol u l-inċident tax-xahar li għadda qed jidher li seħħ f’ibħra internazzjonali. Qabel il-konfront fil-Baħar l-Iswed, il-Gvern Ukren kien akkuża lir-Russja b’li kienet qed iżżomm lill-vapuri tal-merkanzija milli jivvjaġġaw lejn l-imsemmija portijiet li qed jużaw iż-żewġ pajjiżi u li jinsabu fil-Baħar ta’ Azov.

Intant, il-Ministru Ukren għall-Infrastruttura, Volodymyr Omelyan, sostna, issa, li ‘il-bastimenti kienu qed jinnavigaw mir-rotta ta’ Kerch lejn il-portijiet tal-Ukrajna u lura’. Filwaqt li l-bastimenti kienu qed jitwaqqfu u jkunu suġġetti għal spezzjonijiet min-naħa tar-Russja, dan il-Ministru rrefera ‘għall-issuktar tal-movimenti tal-vapuri’ anki jekk dan ma kienx ‘fuq l-istess livell ta’ qabel’.

Iżda waqt li Omelyan tkellem dwar ‘bastimenti li kienu qed jistennew biex jidħlu fil-Baħar ta’ Azov’, ir-Russja ma qalet xejn dwar il-moviment ta’ vapuri fir-rotta ta’ Kerch.