Lokali

“Le Grazzi. Se nsuq.” – Kampanja kontra x-xorb waqt is-sewqan

“Le Grazzi, Se Nsuq.” Dan hu l-messaġġ ta’ kampanja sabiex titqajjem kuxjenza li x-xorb u s-sewqan ma jmorrux flimkien. Diversi entitajiet, aġenziji u għaqdiet mhux governattivi ingħaqdu sabiex jitwassal il-messaġġ li konsum tal-alkohol u s-sewqan jista’ jkollhom konsegwenzi serji u saħansitra fatali.

It-tabib Paula Vassallo, Direttur tal-Promozzjoni tas-Saħħa u Prevenzjoni tal-Mard, qalet li matul din is-sena mietu 16-il persuna f’inċidenti tat-traffiku għal raġunijiet varji. Iżda inċidenti, anki jekk mhux fatali, li kien fihom element ta’ konsum ta’ xorb huma kollha inċidenti evitabbli.

Pierre Vella, mill-Kunsill għas-Sigurta’ fit-Toroq qal li l-konsum tal-alkoħol hu fattur wieħed biss li jwassal għall-inċidenti, speċjalment matul dawn iż-żminijiet. Farruri oħra huma l-veloċita’ eċċessiva, oġġetti li jaljenaw is-sewwieq bħal telefons ċellulari, l-għejja u sewqan taħt l-effett ta’ droga. Bi droga, Pierre Vella fisser mhux biss konsum ta’ drogi illegali imma anki l-konsum ta’ ċertu mediċinali li jkollhom effett fuq l-attenzjoni u l-ħin ta’ reazzjoni tas-sewwieq.

It-tabib Alex Aquilina, Direttur taċ-Ċentru tat-Trasfużjoni tad-demm, qal li persuni li jkunu involuti f’inċidenti ta’ traffiku jistgħu jiġu bżonn mal-20 jew 30 borża demm. Anki hu appella biex ma jibqgħux isiru inċidenti minħabba l-konsum tal-alkoħol, li huma evitabbli. Dan għaliex dawn il-persuni mhux biss jipperikolaw lilhom infushom u lil ħaddieħor li nzerta fi triqthom, iżda wkoll lil persuni innoċenti li jkollhom bżonn operazzjoni u ma tistax issir minħabba nuqqas ta’ demm.

Jappoġġjaw din il-kampanja hemm ukoll il-Korp tal-Pulizija, id-Dipartiment tal-Emerġenza fl-Isptar Mater Dei, Touring Club Malta u l-Aġenzija Sedqa.