Ma jfissirx li għax bniedem għandu diżabbiltà, ħajtu spiċċat. Dawn it-tfal għandhom abbiltà kbira – issa kemm aħna nkunu kapaċi nisfruttawha. Il-potenzjal tagħhom hu kbir.
Hekk iddikjarat Becky Crossley, omm tifel ta’ seba’ snin li jbati minn Down Syndrome u li ġie maltrattat għal xi żmien fl-Iskola fejn jattendi.
Waqt il-programm NET Live, Becky spjegat kif fix-xhur li għaddew, il-persuna li suppost kienet tieħu ħsieb lit-tifel, kienet anke ssawtu. Dan kien ta’ trawma għalih, tant li ma kienx jorqod aktar minn sagħtejn kuljum, kien isawwat lilu nnifsu u kif ikun ħa jitlibbes l-uniformi, kien jidħol jiġri fit-toilet.
Becky qalet li binha qatt ma aġixxa hekk u wara li għadda kollox, reġa’ beda jħobb l-Iskola bħal qabel. Min-naħa l-oħra, esprimiet id-diżappunt tagħha bħala omm li l-persuna akkużata b’dan l-attakk baqgħet taħdem minkejja li għaddejja Inkjesta Maġisterjali, għalkemm fi Skola oħra, bil-biża’ li l-attakki jerġgħu jirrepetu ruħhom fuq xi tifel ieħor.
Għalkemm inżammu fid-dlam mill-awtoritajiet, fosthom anke fl-għajnuna psikoloġika, l-omm sostniet li l-familja ma tridx tħalli l-każ jieqaf hawn. B’dan il-ħsieb f’moħħha, hi ħolqot il-Grupp Support for parents for children with different abilities fuq Facebook. B’hekk, il-ġenituri jkunu jistgħu jagħmlu kuntatt għal ħidma komuni b’risq uliedhom. Hi tenniet il-bżonn li l-ġenituri jqumu fuq saqajhom jekk verament iridu li s-sistema titjieb.
Becky kkonkludiet li l-akbar sfida li tara hi l-ħtieġa li l-mentalità tas-soċjetà tinbidel u nibdew naraw l-abbiltajiet f’dawn it-tfal minflok id-diżabbiltà.
Sadanittant, fil-programm intervjena wkoll il-Kummissarju tas-CRPD Oliver Scicluna, li qal li l-awtoritajiet għandhom jieħdu l-prekawzjonijiet ħalli dan il-każ ma jerġax iseħħ. Tenna li każi bħal dawn huma rari u għalhekk mhux xieraq li l-għalliema jintefgħu kollh f’keffa waħda.
//= $special ?>