Manchester City jistgħu jkunu sospiżi mill-kompetizzjonijiet Ewropej jekk jinstabu ħatja li kisru r-regoli tal-Financial Fair Play. Bħala parti minn Football Leaks, xahar ilu ġie allegat li Manchester City kabbru d-dħul minn sponsors b’mod fittizju biex ikunu konformi mar-regoli tal-UEFA.
Fl-2014, iċ-champions Ingliżi kienu rranġaw il-każ mal-UEFA dwar il-Financial Fair Play u aċċettaw multa ta’ ftit aktar minn €50 miljun. Tliet ġimgħat ilu, il-UEFA ħabbret li se terġa’ tiftaħ il-każijiet jekk ikun hemm informazzjoni ġdida.
Il-Ħadd f’Dublin, il-President tal-UEFA Aleksander Ceferin ikkonferma li hu preparat li jieħu azzjoni jekk ir-regoli kienu nkisru. “Qed nagħmlu evalwazzjoni tas-sitwazzjoni. Għandha kumitat indipendenti li qed jaħdem fuqha. Fil-qrib ikollkom tweġiba dwar dak li se jiġri f’dan il-każ konkret,” qal Ceferin.
F’Marzu ta’ sentejn ilu, Galatasaray kienu sospiżi mill-Ewropa għal staġun wara li kisru r-regoli tal-Financial Fair Play.
//= $special ?>