Sport Sport Ieħor

Qormi Daikin jirbħu ċ-Challenge Cup tal-hockey wara l-ħin barrani

Qormi Daikin rebħu t-tieni unur tal-istaġun meta wara li rebħu s-Super Cup, il-Ħadd li għadda għelbu lil Sliema Hotsticks f’logħba interessanti li spiċċat 4-2 wara li kellu jingħata l-ħin barrani. Għalkemm il-logħba kienet missielta, intlagħbet fi spirtu sportiv tajjeb bl-umpires tal-logħba, James Mizzi u Luke Busutill Leaver, iżommu kontroll tajjeb bl-għajnuna taż-żewġ settijiet tal-plejers.

Qormi bdew b’saħħithom u sal-25 minuta kienu bnew vantaġġ ta’żewg gowls permezz tal-captain Steve Tanti u Zac De Giovanni. Sliema baqgħu jissieltu u sa tmiem l-ewwel taqsima naqqsu d-distakk meta Christ Agius tefa’ ġewwa waqt azzjoni ta’ korner qasir.

Kmieni fit-tieni taqsima, kien Jonathan Borg li minn azzjoni oħra ta’ korner qasir ġab l-iskor indaqs. Għalkemm kien għad fadal ħafna ħin l-iskor baqa’ ma nbidilx u l-logħba marret għall-ħin barrani.

Fl-ewwel taqsima tal-ħin barrani Qormi skorjaw żewg gowls malajr biex reġgħu qatgħu lil Sliema li din id-darba ma kellhomx il-ħin li jerġgħu jirkupraw ir-riżultat. Wara l-logħba, l-President tal-Hockey Association Malta Gordon Mifsud ippreżenta t-trofew lill-captain ta’ Qormi.

Qabel din il-finali ntlagħbet il-logħba għat-tielet post b’White Hart jissuperaw lil Floriana Young Stars bl-iskor ta’ 2-1. David Agius u Francesco Lombardo skorjaw għal White Hart waqt li l-gowl ta’ Young Stars ġie mingħand Jamie Mifsud. L-umpires tal-logħba kienu Robert Aquilina u Shawn Mifsud.

Intant wara li ntlagħbu s-Super Cup u ċ-Challenge Cup, il-Ħadd li ġej jiftaħ il-kampjonat. L-ewwel logħba tal-istaġun se tkun fid-9.00am bejn White Hart u Rabat u warajhom fil-11.00am iċ-champions renjanti Qormi jilagħbu kontra Sliema Hotsticks.

(Ritratt: Andrea Curmi)
Tags