L-Awditur Ġenerali Charles Deguara ppreżenta r-Rapport Annwali tal-Verifika dwar il-Fondi Pubbliċi għas-Sena 2017 lill-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti. Dan jinkludi 22 rapport dwar l-operat ta’ diversi Ministeri, Dipartimenti u entitajiet tal-Gvern, kif ukoll analiżi tar-Rapport Finanzjarju għall-istess sena.
Minn ħarsa dettaljata li ngħatat lill-Arretrati ta’ Dħul għas-sena 2017, li ġew sottomessi mill-Ministeri/Dipartimenti, huwa stmat li mill-bilanċ gross ta’ madwar €3.4 biljun, huma €526.3 miljun li jistgħu jiġu rkuprati.
Fil-verifika tal-ispejjeż minfuqa biex inżammet il-Presidenza Ewropea 2017, l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika sab li l-informazzjoni li ngħatat lilu ma kinitx komprensiva biżżejjed kif ukoll ma kienx hemm verifiki adekwati qabel ma jiġu proċessati l-pagamenti.
Minn verifika tal-proċessi relatati ma’ studenti barranin li jkomplu l-istudji tagħhom fl-Università ta’ Malta, ħareġ li kien hemm nuqqas ta’ kontrolli interni, primarjament minħabba dokumentazzjoni frammentata li kienet qed tinżamm.
Analiżi fuq l-ispiża għas-servizzi offruti mill-Ministeru ta’ Għawdex lil anzjani u persuni Għawdxin b’diżabilità, ġew idenifikati nuqqasijiet fil-kontrolli interni, fis-sekwenza tat-tranżazzjonijiet, kif ukoll fil-moniteraġġ.
Ġie nnutat li l-infurzar fuq il-ġbir tal-eko-kontribuzzjoni ma kienx wieħed sodisfaċenti, waqt li minħabba nuqqasijiet oħra, il-Fond Fiduċjarju kif titlob il-liġi kien għadu ma ġiex stabbilit.
Nuqqas ta’ audit trail tat-tranżazzjonijiet flimkien ma’ element ta’ ġudizzju suġġettiv kienu nnotati fil-lotterija tal-irċevuti fiskali li tinżamm kull xahar mid-Dipartiment tal-Lottu Pubbliku.
L-NAO kien sodisfatt bil-proċeduri u l-kontrolli fil-kalkoli tal-pensjoni tal-irtirar. Madankollu, minħabba nuqqas ta’ riżorsi umani, il-pensjonijiet kontributorji ma kinux qegħdin jiġu evalwati fuq bażi annwali kif rikjest mil-liġi.
Għal dawn l-aħħar sentejn il-Kunsill Malti tal-Arti naqas milli jipprepara r-rapport finanzjarju. Irriżulta wkoll li ma hemmx kontroll adekwat biex jassigura li d-dħul li għandu jinġabar minn din l-entità qiegħed ikun verament miġbur. Ġie nnutat ukoll li ammont konsiderevoli ta’ xiri kien qiegħed isir permezz ta’ direct order.
L-Orkestra Filamornika Maltija kienet qiegħda tuża credit card mingħajr l-awtorizzazzjoni neċessarja, filwaqt li parti mill-ispejjeż imħallsa mill-istess credit card ma kinux sostanzjati b’dokumentazzjoni adekwata.
Diversi nuqqasijiet ta’ kontroll ġew innutati fl-immaniġġjar tal-istokk ta’ mediċini u materjal kirurġiku fl-Isptar Monte Karmeli, fosthom li ma kienx hemm traċċa fir-rigward tal-mediċini li qed jiġu mqassma lill-pazjenti.
Waqt l-awditjar tal-infiq kapitali relatat mat-teknoloġija u l-informatika fil-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, ġie nnutat li x-xiri tal-assi ma kienx konformi mar-regolamenti u kien hemm ukoll nuqqasijiet fl-immaniġġjar ta’ dawn l-assi.
Informazzjoni fuq is-servizzi mediċi mogħtija lil persuni barranin fl-Isptar Mater Dei mhix integrata mas-sistema li minnha joħorġu l-fatturi rispettivi. L-Awditur innota wkoll li l-proċess tal-ġbir tad-dħul dovut rispettiv ma kienx qed jingħata l-importanza meħtieġa.
Ir-Rapport jinkludi għadd sinifikanti ta’ rakkomandazzjonijiet bil-ħsieb li jindirizzaw in-nuqqasijiet identifikati waqt il-proċessi ta’ awditjar.
//= $special ?>