Sampdoria dawru telfa f’rebħa biex eliminaw lil Spal fi Stadio Marassi u għaddew għar-rawnd li jmiss tal-Coppa Italia fejn se jaffrontaw lil Milan. Kienu Spal li fetħu l-iskor fl-34 minuta bl-attakkant veteran Sergio Floccari jikkontrolla kross mil-lemin ta’ Lorenzo Dickmann, ġibed il-ballun fuq il-lemin u għeleb lil Rafael b’xutt tajjeb.
Sampdoria skorjaw il-gowl tad-draw f’mument importanti. Kien fl-ewwel minuta tal-ħin miżjud li t-tim ta’ Marco Giampaolo għamel l-iskor 1-1 meta f’kontrattakk veloċi, Riccardo Saponara vvertikalizza fuq ix-xellug lejn Jakub Jankton li kkrossja għan-nofs lejn Gregoire Defrel li waħdu għeleb lil Vanja Milinkovic-Savic.
Il-gowl deċiżiv ġie skorjat fit-82 minuta bil-gowlkiper Milinkovic-Savic iwettaq żball meta żbalja l-ħin tal-ħarġa tiegħu minn kross ta’ Saponara, biex ippermetta lil Dawid Kownacki li jqabbeż il-ballun faċilment b’daqqa ta’ ras.
Benevento se jkunu qed jilagħbu kontra Inter wara li rebħu f’darhom Cittadella bl-iskor ta’ 1-0. L-uniku gowl tal-logħba kien skorjat fis-77 minuta b’Filippo Bandinelli jirbaħ biex avvanza lejn il-kaxxa ta’ Cittadella. Hu bidel il-ballun ma’ Asencio biex għeleb bi bravura lil Luca Maniero.
L-avversarji ta’ Juventus fl-aħħar 16 se jkunu Bologna wara li fi Stadio Renato dall’Ara għelbu 3-0 lil Crotone. Riccardo Orsolini fetaħ l-iskor fl-40 minuta meta rċieva mingħand Andrea Poli u wara li Cordaz xellef parzjalment l-ewwel gowl, irnexxielu jsib spazju minimu biex għadda l-ballun.
Bologna rduppjaw fis-56 minuta bl-eks Diego Falcinelli jegħleb lil Cordaz b’daqqa ta’ ras wara free-kick ta’ Orsolini. It-tim ta’ Filippo Inzaghi għalaq il-logħba fis-67 minuta bit-tieni gowl ta’ Orsolini b’xutt imdawwar li spiċċa fl-angolu ta’ isfel fuq il-lemin ta’ Cordaz.
//= $special ?>