Lokali

Żagħżugħ jinżamm arrestat wara li għamel ħerba sħiħa waqt li kien fis-sakra

Żagħżugħ Somalu residenti ż-Żebbuġ, Għawdex, nżamm taħt arrest wara li tressaq quddiem il-Maġistrat Paul Coppini fil-Qorti ta’ Għawdex.

Dan hekk kif il-barrani ta’ 28 sena ġie akkużat li t-Tnejn, 3 ta’ Diċembru, attakka w għamel reżistenza bi vjolenza kif ukoll hedded 4 uffiċjali tal-Pulizija – fiż-Żebbuġ u sussegwentament fl-Għassa tar-Rabat, Għawdex.

Is-Somalu kien akkużat ukoll li rrifjuta li jagħti d-dettalji tiegħu jew ta dettalji foloz, kif ukoll sawwat u darab persuna oħra – kif ukoll instab fil-pussess ta’ strument li jaqta’ u bil-ponta mingħajr liċenzja.

Huwa kien akkużat ukoll li kiser il-paċi pubblika waqt li kien f’sakra ma jarax art kif ukoll li sar riċediv.

Il-barrani ċaħad l-akkużi miġjuba kontrih.