Lokali

32 sena mill-qtil politiku ta’ Raymond Caruana

Ħu Raymond Caruana (Ritratt: Matthew Tabone)
Kitba ta' Dione Borg

Ir-ritratt ta’ fuq jitkellem waħdu. Ritratt li juri l-emozzjoni ta’ Jimmy Caruana, ħu Raymond Carauana, waqt il-kommemorazzjoni tat-32 anniversarju mill-qtil ta’ ħuh Raymond. Hekk kif intemmu d-diskorsi tal-kelliema, Jimmy Caruana kien kommoss u qalilna: “Intom kull sena tiġu tfakkru lil ħija… kull sena”.
Id-dmugħ ta’ Jimmy kien jissimbolizza dak li kien qed iħoss hu u l-familja Caruana kollha hekk kif kull sena nuru solidarjetà ma’ din il-familja li għamlet l-akbar sagrifiċċji għall-pajjiż; tat wieħed minn uliedha.

Familja li għadha qed tistenna ġustizzja iżda li ma tridx tpattija. Familja mibnija fuq il-valuri Kristjani; liema valuri kienu espressi b’tant qawwa minn missierhom Ġużeppi meta ftit wara l-mewt ta’ ibnu stess iddikjara fil-pubbliku li jaħfer lil min qatel lil ibnu u li kien aħajr li miet ibnu biss milli jmutu ħafna iktar għal Malta.

Tagħlima għall-poplu kollu
Is-sempliċità tal-familja Caruana hi tagħlima għall-poplu Malti kollu. Familja li minkejja li l-każ ta’ ħuhom għadu mhux solvut, dejjem żammew id-dinjità fl-opinjoni pubblika u qatt ma attakkaw lin-nies. Familja li ilha tbati fis-skiet għal 32 sena sħaħ. Snin twal li fihom kuljum ittamaw għall-ġustizzja; kuljum ittamaw li l-ferita tagħhom tittaffa billi ssir ġustizzja. Fil-verità l-ferita ma tista’ tfiq qatt għaliex Raymond Caruana ttieħed minnhom.

32 sena ilu, bħal-lejla fil-11pm inqatel iż-żagħżugħ Raymond Caruana fil-Każin Nazzjonalista tal-Gudja b’riti sparati minn barra l-każin minn karozza li kienet għaddejja. Dak ta’ Raymond Caruana hu qtil politiku b’evidenza forensika marbuta mal-arma li ntużat fil-qtil u li ntużat ukoll fl-isparatura fuq il-Każin Nazzjonalista ta’ Ħal Tarxien fl-1 ta’ Diċembru 1986 u li tpoġġiet fir-razzett ta’ Pietru Pawl Busuttil fil-frame-up li sar fuqu.

Minkejja t-tentattivi u l-investigazzjonijiet kollha li saru l-każ jibqa’ mhux solvut. Tpoġġa fuq l-ixkaffa mal-investigazzjonijiet tal-qtil l-oħrajn li għadhom pendenti u li b’xi mod jista’ jkollhom konnessjoni politika iżda li għad m’għandhomx ir-rabta forensika.
Kull sena nfakkru lil Raymond Caruana. Attività simbolika fil-Gudja li fiha dan iż-żagħżugħ ikun rikonoxxut.

Lil Raymond Caruana ma baqgħux ifakkruh l-eluf. Għal Raymond Caruana m’għadhomx isiru dimostrazzjonijiet. Raymond Caruana ma jkollux ħafna deputati preżenti għat-tifkira. Raymond Caruana m’għandux il-ġurnalisti barranin jinvestigaw il-qtil tiegħu; anzi ftit jissemma fl-aħbarijiet Maltin.

Għaliex erġajna ġarrabna
Is-soċjetà Maltija reġgħet ġarrbet dak li ġarrbet 32 sena ilu għaliex ma kinitx b’saħħitha; għaliex dawk li llum jipprotestaw u jsemmgħu leħinhom kienu siekta quddiem il-qtil ta’ Raymond Caruana. Erġajna ġarrabna propju għaliex min kien jinvestiga l-qtil ta’ Raymond Caruana ma kienx isib l-appoġġ neċessarju; għaliex is-soċjetà ma baqgħetx tagħmel pressjoni fuq l-awtoritajiet biex isibu l-qattiel u tinkixef l-istorja kollha.

Erġajna ġarrabna għaliex illum reġa’ għandna Korp tal-Pulizija li ma jinvestigax il-korruzzjoni u l-kriminali involuti, li ma jiħux il-passi neċessarji biex jipproteġi lil min jesponi l-korruzzjoni, għandha politiċi involuti fi skandli li qed jixxukkjaw pajjiż, għandha ġurnalista li nqatlet, għandha Prim Ministru u Gvern li ma jeħdux passi fuq politiċi msemmija f’rapporti ta’ korruzzjoni u għandna skandli kbar ta’ korruzzjoni. Sitwazzjoni identika għal dik li kienet fit-tmeninijiet; sitwazzjoni li takkumula fiha diversi elementi kriminali u negattivi.

Raymond Caruana ma mietx għalxejn
Iżda għall-Maltin ta’ rieda tajba li dejjem baqgħu viċin il-familja Caruana u dan il-każ, Raymond Caruana ma mietx għalxejn. B’Raymond Caruana salvajna d-demokrazija, salvajna l-libertà u salvajna pajjiż. Għall-ġenerazzjonijiet futuri; biex iż-żgħażagħ Maltin ikollhom futur ħafna aħjar miż-żgħażagħ tal-era ta’ Raymond Caruana. Dan irnexxielna nagħmluh għaliex propju fid-9 ta’ Mejju 1987 – għeluq snin Raymond Caruana – il-pajjiż beda mixja politika li rriformat pajjiż.

Nhar il-Ħadd li għadda Jimmy u l-familja Caruana bkew; għax raw il-każ ta’ ħuhom għadu mhux xolvut; għax raw ferita politika li għadha miftuħa. Minkejja kollox, nibqa’ determinat li nagħmel dak kollu possibbli biex dan il-każ jissolva u l-verità toħroġ.

Il-5 ta’ Diċembru hu l-jum li fih inqatel Raymond Caruana, iżda ejja naraw li dan il-jum ikun il-jum kontra l-intolleranza politika. Ejja nitgħallmu minn dan l-avveniment – u minn qtil politiku ieħor li seħħ fil-pajjiż – biex il-ġenerazzjonijiet futuri ma jgħaddu qatt minn dak li għaddejna aħna; anki meta konna konvinti li s-soċjetà kienet immaturat.