L-awtoritajiet fl-Istati Uniti ressqu akkużi formali fil-qorti kontra erba’ persuni minħabba frodi u evażjoni tat-taxxa minħabba dak li kien svelat fil-Panama Papers.
Il-prosekuzzjoni ressqet 11-il akkuża kontra l-erba’- żewġ ċittadini Ġermaniżi, ieħor mill-Panama u Amerikan – u li kien possibbli bl-għajnuna tal-Mossack Fonseca, il-kumpanija legali bażata fil-Panama li kienet is-sors tad-dokumenti wara l-Panama Papers.
Il-prosekuzzjoni Amerikana qed issostni li l-Mossack Fonseca kkonfoffat biex tevita l-liġijiet Amerikani biex il-ġid tal-klijenti jkun moħbi mill-awtoritajiet Amerikani u b’hekk ma jitħallasux taxxi. Intqal li l-iskema li kienu qed imexxu dawn l-erba’ bl-għajnuna tal-Mossak Fonseca tmur lura għall-2000. Skema li kienet tinvolvi dawk magħrufa bħala shell companies, li jkunu biss kumpaniji fuq il-karta fil-Panama, Hong Kong u l-British Virgin Islands.
Dawk akkużati huma Ramses Owens ta’ 50 sena mill-Panama u li kien jaħdem għall-Mossack Fonseca, Harald Joachim Von Der Goltz ta’ 81 sena u Dirk Brauer ta’ 54 sena mill-Ġermanja u Richard Gaffey, accountant minn Medfield, f’Massachusetts.
Jekk jinstabu ħatja huma qed jissugraw piena ta’ 20 sena ħabs. Uffiċjali qalu li l-akkużati kollha jinsabu taħt arrest ħlief Owens li għadu maħrub.
//= $special ?>

