Ikomplu għaddejin l-evalwazzjonijiet u l-ispekulazzjonijiet dwar il-kostruzzjoni tal-mina bejn Malta u Għawdex hekk kif wara diversi studji, qed jiġi propost li d-dħul u l-ħruġ tal-mina f’Malta jkun jinsab fil-viċinanza tal-bypass tal-Bajja ta’ San Pawl. Min-naħa l-oħra, id-dħul u l-ħruġ f’Għawdex se jkun jinsab in-Nadur, fil-viċinanza tat-torri ta’ Kenuna fil-periferija tal-istess raħal.
Studji tal-EIA (Enviromental Impact Assessment) diġà bdew, u qed jiġi ppreparat mudell ta’ simulazzjoni u dan se juri kif l-inħawi se jkunu affettwati f’termini ta’ influss tat-traffiku u kwalità tal-arja. Intqal ukoll li disinn kunċettwali għall-proġett tal-mina bħalissa qed jitħejja.
Fi stqarrija ntqal li rappreżentant tal-GUG attenda laqgħa dwar il-proġett għal mina bejn Malta u Għawdex. Eżatt bħal 82% tal-popolazzjoni Għawdxija, l-organizzazzjoni hija favur l-imsemmi proġett u temmen li jkun ta’ benefiċċju għall-Għawdxin kollha li jivjaġġaw biex jaħdmu u jistudjaw f’Malta. Huma qalu li permezz tal-mina l-gżira Għawdxija tkompli tofjorixxi, iżda għad hemm xi oqsma li jeħtieġu aktar studji. Dawn jinkludu studji dwar il-ġeoloġija u kif ukoll x’għandu jsir mill-iskart tal-kostruzzjoni. Dan il-proċess għandu jibda fis-snin li ġejjin, fl-eventwalità tal-kostruzzjoni tal-istess mina.
Il-Grupp Universitarji Ghawdxin għalaq l-istqarrija billi qal li dejjem wera t-twemmin tiegħu favur l-idea li jkun hemm mina bejn il-gżejjer.
//= $special ?>