Lokali

Imut Joe Camilleri, simbolu tas-Segretarjat Ħaddiema tal-PN

Kmieni dalgħodu tħabbret il-mewt tal-eks kandidat Nazzjonalista Joe Camilleri – persuna li jibqa’ sinonimu mat-twaqqif tas-Segretarjat Ħaddiema fi żmien meta Eddie Fenech Adami kien ħa t-tmexxija tal-partit.

Hu kellu 78 sena.

Camilleri kien membru tal-Eżekuttiv tal-PN, tal-Kumitat Amministrattiv u kandidat fuq il-Ħames Distrett.

Joe Camilleri qatta’ ħafna snin jaħdem it-Tarzna, u kien involva ruħu fil-politika wara li ħeggewh nies bħal Louis Galea u Carmelo Caruana.

Il-funeral se jsir il-Ħamis fis-2pm, fil-Knisja l-Qadima Parroċċa Santa Marija Birkirkara.

 

Stqarrija tas-Solidarjetà Ħaddiema Partit Nazzjonalista (SĦPN)

Intant, is-Solidarjetà Ħaddiema Partit Nazzjonalista ngħaqdet fis-sogħba għall-mewt ta’ Joe Camilleri.

Fi stqarrija, l-SĦPN qal li Joe Camilleri kien ħaddiem fit-Tarzna li bħal ħafna oħrajn daq il-vjolenza u d-diskriminazzjoni politika. Huwa ddeċieda li ma jibqax sieket u jħalli kollox għaddej u  għalhekk iddeċieda li jagħti sehemu favur id-drittijiet tal-ħaddiema l-ohrajn sħabu.

Għalhekk l-aħbar tal-mewt ta’ Joe Camilleri fakkret lil ħafna nies iż-żminijiet diffiċli li kellhom jgħaddu minnu l-ħaddiema Maltin u Għawdxin fis-snin sebgħin u tmenin. Dan ukoll għaliex il-ġlieda għad-drittijiet tal-ħaddiema ma kinitx waħda faċli.

L-SĦPN awgura li l-eżempju, l-ħidma u d-determinazzjoni tiegħu tixpruna lil ħaddiehor li qed isofri minn diskriminazzjoni fuq il-post tax-xogħol u xkiel fil-libertà tal-espressjoni sabiex irabbi l-kuraġġ u jsemma’ leħnu.

Is-Solidarjetà Ħaddiema Partit Nazzjonalista tagħti l-kondoljanzi lill-familja u qraba ta’ Joe Camilleri.