Hekk kif kompliet tinġabar l-evidenza fil-każ tal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, illum xehed it-tifel tagħha Matthew. Hu ta’ rakkont ta’ dak li ġara dakinhar tal-mewt ta’ ommu.
Matthew Caruana Galizia kien qed jixhed fil-każ kontra t-tliet irġiel li qed jiffaċċjaw proċedimenti kriminali dwar l-allegat involviment tagħhom fil-karozza tal-bomba li qatlet lil ommu fis-16 ta’ Ottubru tas-sena 2017. L-aħwa Alfred u George Degorgio, magħrufa bħala l-Fulu u ċ-Ċiniż, flimkien ma’ Vince Muscat, magħruf bħala l-Koħħu, jinsabu mixlija b’dan il-qtil.
Meta kien qed jixhed, huwa rrakonta dak li ġara fis-16 ta’ Ottubru tas-sena l-oħra, fosthom kif għadda n-nofs ta’ nhar ta’ filgħodu jaħdem ma’ ommu fuq l-istess skrivanija. “Wasalt id-dar fxid-9am. Ommi għamlet kafè. Konna bil-qiegħda fl-istess mejda. Ommi kellha telefonata f’xis-2pm mill-HSBC dwar appuntament fuq il-kontijiet bankarji. Hi telqet mid-dar iżda rritornat ftit wara biex tiġbor iċ-cheque book tagħha. ”
Xehed li ftit qabel it-tlieta ta’ wara nofsinnhar sema’ l-karozza ta’ ommu tistartja, il-mużika ħierġa mill-karozza u ftit wara l-isplużjoni.
Kien hawn li ħareġ barra u mexa lejn ix-xena tar-reat ftit ’l isfel mid-dar fejn ra biċċiet ta’ ħġieġ, plastik u laħam, u l-karozza li kienet donnha ballun tan-nar. Qal li nduna li kienet il-karozza ta’ ommu mill-pjanċi u mir-roti, u kien f’dan il-mument li ra s-sieq ta’ ommu fl-għalqa.
Għall-mistoqsija tal-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispetturi Keith Arnaud u Kurt Zahra, Matthew Caruana Galizia qal li l-karozza li fiha nqatlet ommu, bdiet tużaha biss ix-xahar ta’ qabel.
Matthew Caruana Galizia qal li ma kien jaf bl-ebda theddid fuq il-ħajja ta’ ommu. Hu kkonferma wkoll li ma jafx x’ġara bil-laptop ta’ ommu ħlief li xi rappreżentanti tal-familja għaddewh lill-Pulizija Ġermaniża.
//= $special ?>

