Il-Ħadd li għadda, l-Assoċjazzjoni Sport Muturi u Karozzi organizzat it-tieni attività mill-Kampjonat Nazzjonali Honda Motocross. Minħabba l-maltemp li għamel lejliet l-attività, is-sewwieqa kellhom jagħmlu aktar sforz minħabba t-tajn u l-ilma li kien hemm fil-korsa, b’uħud minnhom jagħżlu li ma jinżlux għall-kwalifikazzjoni. B’kollox ħadu sehem 17-il kompetitur li kienu maqsuma fi tliet klassijiet.
Kyle Camilleri fuq KTM u Mark Mamo fuq Yamaha ddominaw Klassi A. Camilleri ddomina l-kwalifikazzjoni, b’Mamo jirbaħ l-ewwel heat filwaqt li Camilleri rebaħ it-tieni heat u spiċċa biex tela’ fl-ogħla post fuq il-podju segwit minn Mamo.
Daniel Caruana fuq Honda rebaħ Klassi B. Hu ddomina l-kwalifikazzjoni segwit minn Krist Falzon fuq Husqvarna. Caruana flimkien ma’ Jorn Stellini fuq KTM iddominaw l-ewwel heat, iżda fit-tieni heat is-sitwazzjoni nbidlet. Gary Debono ddomina l-heat segwit minn Daniel Caruana u Krist Falzon. Caruana spiċċa rebbieħ tal-klassi segwit minn Debono u Falzon rispettivament.
Fil-klassi l-oħra tal-veterani, Carmelo Borg fuq Honda kien l-aktar wieħed veloċi matul il-ġurnata. Minħabba nuqqas ta’ kompetituri f’din il-klassi, il-veterani kkompetew fi Klassi A. Borg kien segwit minn Jethro Sant fuq Yamaha.
F’dawn il-ġranet, l-ASMK għalqet ir-reġistrazzjoni tal-25 edizzjoni tad-Demolition Derby li se ssir b’risq il-Malta Community Chest Fund Foundation. Għal din l-edizzjoni se jipparteċipaw 30 kompetitur, fl-attività li se ssir il-Ħadd 23 ta’ Diċembru fit-3.00pm.
Intant il-Ħadd li ġej, l-ASMK se tkompli bl-attivitajiet mill-Kampjonat ASMK Pasta Poiatti. Din id-darba l-assoċjazzjoni se tkun qed tagħmel it-tielet tentattiv biex tiftaħ dan il-kampjonat nazzjonali tal-karozzi autocross. Dan minħabba li l-maltemp li għamel fi kważi kull tmiem il-ġimgħa, għamilha impossibbli li jsiru dawn it-tiġrijiet. Din l-ewwel tiġrija Autocross tibda f’12.00pm fil-Kumpless Sportiv tal-ASMK f’Ta’ Qali.
Aktar informazzjoni tista’ tinkiseb fis-sit elettroniku www.asmk.org.mt, fuq il-paġna ta’ facebook bl-isem Assoċjazzjoni Sport Muturi u Karozzi, b’email fuq info@asmk.org.mt jew fuq 99425489.
//= $special ?>