Il-Moto GP u l-kategoriji l-oħra se jdaħħlu regola ġdida kif jikklasifikaw is-sewwieqa li jispiċċa tiġrija separatament mill-muturi tagħhom. Il-bidla fir-regola kienet approvata l-Ġimgħa f’laqgħa tal-kummissjoni tal-Grand Prix li hi magħmula minn rappreżentanti tal-FIM, il-promoturi Dorna kif ukoll il-manifatturi u l-assoċjazzjonijiet tat-timijiet indipendenti.
Mis-sena d-dieħla, sewwieq se jkun klassifikat fil-punt li jew hu jew il-mutur jaqsam il-linja finali l-ewwel f’każijiet fejn ikunu separati. “Fil-passat biex ikunu kwalifikati li spiċċaw, is-sewwieq kellu jkun f’kuntatt mal-mutur meta jaqsam il-linja finali. Kien hemm sitwazzjonijiet meta minħabba ħabta, is-sewwieq u l-mutur kienu jaqsmu l-linja separatament. Fil-futur, il-ħin tat-tmiem se jkun determinat bl-ewwel parti tas-sewwieq jew il-mutur li jaqsam l-ewwel,” qalet l-istqarrija tal-FIM.
Ir-regola kienet tħalli impatt fuq it-tiġrija tas-sena l-oħra mill-Moto 3 f’Assen, fejn Bo Bendsneyder kien imċaħħad mill-10 post. L-Olandiż kien għamel kuntatt ma’ mutur ieħor u waqa’ hekk kif ħareġ mill-aħħar kantuniera. Hu kien spiċċa daħal wara l-mutur tiegħu KTM u finalment ma kienx klassifikat li spiċċa t-tiġrija.
Il-kummissjoni tal-Grand Prix ikkjarifikat ir-regoli wkoll li jgħidu li s-sewwieqa jistgħu jerġgħu jidħlu f’tiġrija interrotta wara aċċident. Ir-regola bħalissa tgħid li fil-ħin li tixxejjer il-bandiera l-ħamra, dawk li ma jkunux attivi fit-tiġrija ma jkunux ikklassifikati.
It-tiġrija finali tal-Moto GP f’Valencia kienet twaqqfet minħabba l-kundizzjonijiet ħżiena tat-temp u 16-il sewwieq biss tħallew jerġgħu jibdew, fosthom Bradley Smith li kien ħabat iżda laħaq daħal fil-pits ħames minuti mill-bandiera l-ħamra.
L-istewards tal-Moto GP se jkunu dawk li jiddeċiedu jekk sewwieq hu qed jikkompeti b’mod attiv u dawn il-ġudizzji mhux suġġett għal appell.
//= $special ?>