Serena Williams se tkompli l-missjoni tagħha li tikseb l-24 Grand Slam fil-karriera tagħhom hekk kif ikkonfermat li se tieħu sehem fl-Open tal-Awstralja f’Jannar. L-Amerikana ta’ 37 sena rebħet it-tournament għas-seba’ darba sentejn ilu meta għelbet lill-oħtha Venus fil-finali. Dak iż-żmien hi kienet tmien xhur tqila bit-tifla tagħha Alexis Olympia li kienet twieldet f’Settembru ta’ wara.
Wara li rritornat is-sena li għaddiet, Williams waslet sal-finali ta’ Wimbledon u l-Open tal-Istati Uniti iżda tilfet fiż-żewġ okkażjonijiet. B’hekk hi baqgħet issegwi r-rekord ta’ Grand Slam ta’ Margaret Court. L-aħħar logħba fl-istaġun li għadda kienet il-finali fi Flushing Meadows, bit-telfa tagħha kontra Naomi Osaka kienet fid-dell wara l-argument li kellha mal-umpire Carlos Ramos.
Williams hi skedata li tilgħab tournament ta’ esebizzjoni f’Abu Dhabi fl-aħaħr ġimgħa tas-sena qabel tmur l-Awstralja biex tieħu sehem fit-Tazza Hopman f’Perth, li se jservi ta’ preparament għall-ewwel Grand Slam tas-sena f’Melbourne Park.
Fost 102 tennisti nisa u l-101 tennist irġiel, hemm il-ħames darbiet finalist Andy Murray li s-sena l-oħra tilef tlieta mill-erba’ Grand Slams minħabba li kien imweġġa’. L-Iskoċċiż ta’ 31 sena daħal għat-tournament bir-ranking protett ta’ numru tnejn, wara li niżel fil-259 post fir-rankings tad-dinja minħabba l-operazzjoni li għamel.
Roger Federer se jkun qed jittama li jiddefendi l-unur li rebaħ din is-sena u fl-istess ħin jipprova jirbaħ l-Open tal-Awstralja għal rekord seba’ darbiet, filwaqt li Caroline Wozniacki se tkun qed tiddefendi Grand Slam għall-ewwel darba. L-Open tal-Awstralja jsir bejn l-14 u s-27 ta’ Jannar.
//= $special ?>