Edukazzjoni Lokali

Taħwida fl-istipendji tal-istudenti

Wara li studenti tal-MCAST nhar it-Tnejn ilmentaw ma-sit netnews.com.mt dwar it-taħwid u l-inkonsistenza fl-istipendji, qed joħroġ ċar li t-taħwid mhux limitat biss għal stipendji tal-istudenti ta’ dan il-Kulleġġ imma qed jolqot ukoll stipendji ta’ studenti tal-Junior College, tal-Higher Secondary u l-Università.

Wara li Net News żvela dan it-taħwid, numru ta’ studenti u ġenituri kkummentaw li anke huma jew uliehdom kienu baqgħu bla stipendju. Studenti minn fergħat differenti tal-Kulleġġ MCAST qalu li ma kienu għadhom irċevew ebda ħlas mindu bdiet is-sena skolastika. Ħafna oħrajn ilmentaw li lanqas il-grant tal-bidu tas-sena ma kienet intbagħtilhom.

Kummenti oħra stqarru li xi studenti universitarji kienu ħadu l-istipendju ta’ Novembru imma mhux dak ta’ Ottubru, u lanqas il-grant tal-bidu tas-sena.

Il-grant hu importanti ħafna għall-istudenti għax jgħin b’mod sostanzjali fl-ispiża tagħhom biex jibdew is-sena ta’ studju tagħhom., u l-istipendju jgħinhom itaffi ftit mill-ispejjeż ta’ matul is-sena.

Ir-rabja fost l-istudenti qed tkompli tikber hekk kif jirriżulta li hemm inkonsistenza totali, bi studenti li huma fl-istess kors li rċevew l-istipendju, oħrajn li ma rċevewhx u oħrajn li ma reċevew lanqas il-grant.

In-Nazzjon hu infurmat li telefonati u emails li ntbagħtu ma servew għal xejn hekk kif dawk li ċemplu intqalilhom li s-sitwazzjoni se tirrisolva fi ftit jiem, iżda dan baqa’ ma seħħx. Emails li ntbagħtu baqgħu ma waslux l-MCAST u min bagħathom irċieva messaġġ li l-inbox tar-riċevitur hi mimlija.