Twissija minħabba każ tal-iskabbja fl-iskola Primarja ta’ San Ġorġ Preca fil-Hamrun, hekk kif inħarġet ċirkulari mid-Dipartiment għar-regolamentazzjoni tas-Saħħa lill-ġenituri tal-istess tfal li jattendu din l-iskola. Ittra li Net News għandu kopja tagħha.
Fiċ-ċirkulari ngħatat informazzjoni dettaljata tal-kawża ta’ din l-istess marda li hija kkawżata mid-dudu tal-iskabbja meta jħaffer il-wiċċ.
Id-dudu jittieħed l-aktar minn kuntatt dirett fit-tul mal-ġilda u l-infezzjoni hi meqjusa li tittieħed malajr u b’mod faċli sakemm dawk affettwati ma japplikawx trattament mill-ewwel. Madankollu l-problema hi li s-sintomi ġeneralment jiżviluppaw bejn ġimagħtejn u sitt ġimgħat wara l-ewwel kuntatt mal-persuna infettata.
Fl-ittra, maħruġa mid-Direttorat għall-Promozzjoni tas-Saħħa u prevenzjoni tal-Mard, il-ġenituri qed jiġu mwissija li uliedhom jista’ jkun li ġew esposti għall-iskabbja fl-iskola u għandhom josservaw lit-tfal għal ċertu sintomi li tista’ tikkawża din il-marda. Il-ġenituri ġew ukoll mitluba speċifikament josservaw lil uliedhom fid-dettall għal dawn is-sitt ġimgħat li ġejjin.
//= $special ?>