Brian Tonna, li jmexxi Nexia BT, ingħata kuntratt b’valur ta’ €5,000 fix-xahar f’Position of Trust taħt il-Ministru ta’ Owen Bonnici. Fil-fatt, issa ħareġ fid-deher li Tonna kien konsulent tal-Ministru Bonnici fl-eqqel tal-iskandlu tal-Panama Papers.
Din l-informazzjoni ġiet żvelata minn The Daphne Project u konfermata mill-Ministru innifsu fl-aħħar sigħat.
Brian Tonna ingħata kuntratt full-time bħala konsulent fil-Ministeru tal-Ġustizzja bejn Awwissu 2014 u Awwissu 2016, liema kariga żammha fuq bażi part-time sal-2017.
Il-fatt li dan il-kuntratt estenda sas-Sajf tas-sena li għaddiet ifisser li Brian Tonna kien konsulent tal-Ministru Owen Bonnici meta beda għaddej inkjesta fil-Qorti b’rabta mal-iskandlu l-ieħor tal-allegat tixħim mill-bejgħa tal-passaporti – każ li fih issemma’ wkoll iċ-Chief of Staff f’Kastilja, Keith Schembri.
Bil-kuntratt li ingħata mill-Gvern Laburista, Brian Tonna tpoġġa’ fi Skala 3 taċ-Ċivil b’salarju ta’ kważi €35,000 li miegħu jiżdiedu €20,000 oħra f’allowances. Dan apparti €4,600 għall-karozza u €815 għall-internet u t-telefown.
Il-pakkett finanzjarju ta’ Brian Tonna tant kien kbir illi d-dħul totali tiegħu kien kważi ekwivalenti għal dak li jaqla’ l-Prim Ministru.
//= $special ?>