Festi Kultura Lokali

Iċċelebrata l-Festa ta’ San Nikola fis-Siġġiewi

Atmosfera ta’ festa u briju fil-lokalità tas-Siġġiewi, hekk kif il-Ħamis kienet iċċelebrata l-Festa Liturġika tal-Qaddis Patrun – San Nikola.

Għal din l-okkażjoni, għadd sabiħ ta’ Studenti mill-Iskola Primarja pparteċipaw f’Purċissjoni bi statwa żgħira ta’ San Nikola, li nġarret mill-istudenti stess. Oħrajn libsu lbies li normalment naraw f’xi Festa, fosthom tfajjel li saħanistra libes ta’ Isqof, bħalma kien San Nikola.

Il-Purċissjoni bdiet mill-Iskola Primarja u għaddiet minn diversi toroq tal-lokalità sal-Knisja Arċipretali.

Flimkien ma’ għexieren oħra li mlew parti sostanzjali mill-Pjazza tas-Siġġiewi, kien hemm ukoll is-Sindku Alessia Psaila Zammit flimkien mal-Kunsilliera Lokali. Iż-żewġ baned tal-lokalità: il-Banda San Nikola u s-Siġġiewi Festival Brass Band ipparteċipaw ukoll u allegraw lil dawk preżenti b’għadd ta’ marċi brijużi.

Fi tmiem il-Purċissjoni, l-istudenti tal-Iskola Primarja tellgħu dramm fuq San Nikola. Dan seta’ jkun possibbli wara taħriġ li ngħataw mill-Għalliema tal-Iskola. Għad-dramm u l-Quddiesa li kienet iċċelebrata wara, attendiet ukoll il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca.

San Nikola, li ta’ kull sena tingħatalu Festa Liturġika fis-6 ta’ Diċembru, iddedika ħajtu għal Alla, filwaqt li għen lil min kien anqas ixxurtjat bil-flus li wieret minħabba li l-familja tiegħu kienet sinjura. Jingħad li din l-għajnuna wasslet biex minnu oriġina dak li llum jissejjaħ Father Christmas jew Santa Klaws.

San Nikola kien Isqof ta’ Myra fil-Greċja u wara mewtu, l-għadam tiegħu ttieħed Bari fejn inbniet Bażilika u fejn hemm Relikwa Mirakoluża tiegħu. Maż-żmien nibtet devozzjoni kbira lejn San Nikola f’Bari.