Ekonomija Lokali

Ċelebrazzjonijiet tat-30 anniversarju tal-Junior Achievement Young Enterprise Malta

Din is-sena l-fondazzjoni Junior Achievement Young Enterprise Malta (JAYE), dik li kienet qabel magħrufa bħala Young Enterprise, qegħda tiċċelebra t-tletin sena mit-twaqqif tagħha fejn ġew organizzati żewġ attivitajiet separati – seminar dwar l-edukazzjoni tal-intraprenditorija f’Malta, u anke pranzu li għalih ġew mistiedna diversi persuni distinti fosthom il-President ta’ Malta, organizzaturi u għalliema li ħadu sehem tul is-snin, u anke eks-parteċipanti fil-programm ta’ taħriġ fl-intraprenditorija.

L-għan aħħari tas-seminar, kien dak li jiġi diskuss l-impatt tal-edukazzjoni fl-imprenditorija u l-opportunitajiet li dan jiftaħ għall-impjiegi u t-titjib fil-ġenerazzjoni tal-qligħ. Ukoll sar aċċenn dwar dak li qed isir fuq skala lokali u anke barra minn pajjiżna biex jitjiebu l-inizjattivi ekonomiċi fid-dinja tal-business li jagħtu valur miżjud lill-ekonomija. L-attivita ġiet indirizzata mill-Ministru għall-Ekonomija, Investiment, u Businesses Żgħar Chris Cardona, mill-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Evarist Bartolo u mis-CEO ta’ JA Europe Caroline Jenner.

Fi stqarrija, JAYE qalu li mill-parteċipanti li ħadu sehem snin ilu, uħud minnhom illum il-ġurnata saru mexxejja ta’ wħud mill-aktar businesses ta’ suċċess f’Malta. F’din iċ-ċelebrazzjoni f’għeluq it-tletin sena mit-twaqqif, indirizzat lill-folla preżenti l-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca fejn qalet li intraprendituri żgħażagħ jistgħu jibnu legat ta’ innovazzjoni li hu fundamentali għas-soċjetajiet tagħna – u għalhekk il-Kummissjoni Ewropea rrikonoxxiet lil JAYE bħala l-aqwa li tħarreġ għas-settur.

Is-CEO ta’ JAYE Malta, Julian Azzopardi, ħares lura lejn dawn iċ-ċelebrazzjonijiet ta’ 30 sena ta’ suċċess, fejn qal li din il-ġimgħa reġgħet stimulat id-diskussjonijiet fuq il-valur tal-edukazzjoni dwar l-intraprenditorija. Hu rringrazzja lil dawk kollha li taw kontribut matul dawn is-snin kollha.

Fost l-eks parteċipanti li kienu preżenti għal dawn iċ-ċelebrazzjonijiet, kien hemm il-Membru Parlamentari Ewropew Roberta Metsola, u l-Membri Parlamentari Karl Gouder.