Internazzjonali

FRANZA: Inkwiet dwar is-sehem ta’ elementi radikali fi protesti ġodda

Il-Ministru tal-Intern Franċiż, Christophe Castaner, qal li l-pajjiż, fil-preżent, qed jiffaċċja ‘mostru’ li nħoloq mill-protesti li għaddejjin kontra l-Gvern, waqt li wissa li ‘numru ta’ elementi radikali’ kapaċi jinfiltraw id-dimostrazzjonijiet li l-moviment tad-dimostranti magħrufin bħala ‘tal-ġgieget sofor’ qiegħed iħejji għal tmiem il-ġimgħa.

Is-siti għat-turisti f’Pariġi mhumiex se jiftħu, għada, fost l-inkwiet dwar aktar vjolenza potenzjali fit-toroq. Dan fost stqarrija minn Castaner dwar ‘il-miżuri tas-sigurtà fuq livell sostanzjali’ li l-Istat għandu jimplimenta għas-sigħat ‘diffiċli’ li jmiss.

Ir-rapporti qalu li mad-90,000 pulizija għandhom ikunu fuq allert madwar Franza fi tmiem il-ġimgħa fost konferma li numru ta’ vetturi armati se jkunu stazzjonati f’Pariġi.

L-awtoritajiet ħeġġew ukoll biex ma jiftħux il-ħwienet u l-mużewijiet fiz-zona ta’ Champs-Elysees.

Il-protesti kontra l-Gvern bdew tliet ġimgħat ilu iżda waqt li dawn, għall-bidu, kienu mirati kontra żidiet fil-prezz tal-fuel, id-dimostrazzjonijiet attwali qegħdin ikopru numru ta’ kwistjonijiet, inklużi r-riformi fl-edukazzjoni. Għalkemm il-Gvern Franċiż qal li qed iwarrab iż-żidiet proposti fil-prezz tal-fuel li qajjmu daqstant ferment, l-għadab tal-poplu qed jidher li nfirex, fost il-protesti dwar numru ta’ issues differenti.

Fl-aħħar sigħat saru wkoll dimostrazzjonijiet lejn il-Lvant ta’ Franza, bi student jispiċċa ferut waqt protesta fil-belt ta Montbeliard u b’talanqas membru tal-qawwiet għaż-żamma tal-ordni jindarab f’dimostrazzjoni tal-istudenti, f’Mulhouse.

Rapporti oħra qalu li l-awtoritajiet ħatfu numru ta’ bombi Molotov mingħand dimostranti ‘tal-ġgieget sofor’ lejn in-nofsinar ta’ Franza. Intant, qed iqanqlu rabja kbira ritratti li juru pulizija qed jizfurzaw studenti ta’ skola għolja għar-rkubbtejhom u biex iżommu jdejhom fuq rashom,. Dan wara numru ta’ konfronti li seħħew sigħat ilu f’Mantes-la-Jolie, lejn il-Punent ta’ Pariġi.