Internazzjonali

IL-ĠERMANJA: Merkel issellem lis-CDU; konferma ta’ Kramp-Karrenbauer bħala Kap ġdid

Il-Kanċillier tal-Ġermanja, Angela Merkel, għamlet l-aħħar diskors emozzjonali bħala l-Kap tal-Partit CDU waqt il-Kungress tas-CDU Hamburg.Id-diskors fuq kollox, enfasizza l-ħtieġa li l-partit jiddefendi l-valuri liberali ‘fuq livell domestiku u minn barra’.

Intant, Merkel wissiet dwar l-isfidi diffiċli tal-ġejjieni, fosthom il-bidliet fil-klima, l-impenji għall-għaqda Ewropea u r-reazzjonijiet għall-Brexit.

Illejla, is-CDU għażel lil Annegret Kramp-Karrenbauer bħala s-suċċessur ta’ Merkel fit-tmexxija tal-partit. Dan meta Angela Merkel qed tippjana biex tkompli sal-aħħar bil-mandat ta’ Kanċillier tal-Ġermanja.

Kramp-Karrenbauer, l-eks-Ministru ewlieni għall-Istat ta’ Saarland, rebħet 517 fost id-999 vot tal-membri tas-CDU biex għelbet liż-żewġ sfidanti l-oħra – l-avukat Friedrich Merz u l-Ministru għas-Saħħa Ġermaniż, Jens Spahn.