Lokali

Jitnieda l-kalendarju ta’ ‘Marċi u Bandalori’

Gie mnedi l-kalendarju għas-sena 2019 imħejji minn Joe Chetcuti, il-preżentatur u producer tal-Programm ‘Marċi u Bandalori’ fuq NET FM. Dan il-Kalendarju, huwa wieħed imfittex minn bosta dilettanti tal-baned u l-marċi f’pajjiżna.

Il-Programm ‘Marċi u Bandalori’ li jixxandar kull nhar ta’ Ħadd fis-6 ta’ filgħodu fuq NET FM ilu jixxandar għal sbatax-il sena sħaħ mingħajr interruzzjonijiet. Interessanti l-fatt li s-semmiegħa ta’ dan il-programm f’dawn l-aħħar xhur żdiedu b’mod sostanzjali.

‘Marċi u Bandalori’ qed ikompli jservi ta’ vetrina għall-każini tal-banda, u pjattaforma għall-marċi moderni kif ukoll storiċi ta’ kull xorta. Joe Chetcuti jittama li permezz ta’ dan il-programm ikompli jwassal lill-Maltin u l-Għawdxin kollha t-tajjeb u s-sabiħ li għandhom il-baned tagħna.

Min-naħa tiegħu l-Kap tal-PN Adrian Delia rrikonoxxa l-fatt li t-tradizzjoni tal-festi f’Malta hija waħda importanti hekk kif tgħaqqad l-irħula flimkien. Wara diversi żjarat li għamel matul dan is-sajf fi bliet u rħula Maltin fejn iltaqa’ ma’ diversi persuni, Adrian Delia innota li qed jiżdied in-numru ta’ żgħażagħ involuti fil-festi.

L-attività kienet indirizzata wkoll milll-MEP Nazzjonalista Francis Zammit Dimech kif ukoll miċ-Chairman Eżekuttiv ta’ media.link communications Pierre Portelli. Zammit Dimech irrefera għall-ħidma li qiegħed iwettaq fil-Parlament Ewropew fuq l-Aġenda l-Ġdida Ewropea għall-Kultura sabiex jkun hemm aktar fondi għall-festivals inkluż dawk mużikali, sabiex il-fondi Ewropej ikunu aktar disponibbli għall-għaqdiet kulturali żagħar fosthom baned u favur aktar opportunitajiet sabiex artisti fosthom bandisti jkollhom opportunita ta’ mobilita.

Preżenti għal din it-tnedija kien hemm ukoll il-Viċi Kapijiet tal-Partit Nazzjonalista David Aguis u Robert Arrigo, kif ukoll diversi Deputati u uffiċjali oħra tal-Partit Nazzjonalista.