Lokali

Konrad Mizzi jibqa’ jinsisti li “ma jaf xejn” dwar 17 Black

“Jien ma kont naf xejn dwar 17 Black u għadni sal-lum ma nafx x’inhi” – kliem il-Ministru Konrad Mizzi meta kien intervistat minn Saviour Balzan waqt il-programm Xtra – l-istess Ministru ta’ Joseph Muscat li nqabad li kellu kumpanija sigrieta fil-Panama wara li ġew żvelati il-Panama Papers.

Meta mistoqsi dwar il-kumpanija 17 Black b’rabta mal-power station il-ġdida li bena l-Gvern Laburista, Konrad Mizzi stqarr li hu ma kien jaf xejn dwar dan – minkejja li skont dak li ġie żvelat iswed fuq l-abjad f’emails mill-gazzetta Ġermaniża Suddeutsche Zeitung, li wrew biċ-ċar li l-ftehim kien li l-kumpanija 17 Black kienet se tgħaddi l-flus fil-kontijiet tal-kumpaniji Tillgate u Heanrville – il-kumpaniji sigrieti fil-Panama ta’ Konrad Mizzi u ta’ Keith Schembri. Fl-istess intervista, Konrad Mizzi kkonferma li hu se jerġa’ jikkontesta l-elezzjoni li ġejja.

Minkejja dan kollu, il-Prim Ministru Joseph Muscat jibqa’ jinsisti li l-inkjesta hi dwar 17 Black u mhux fuq Keith Schembri u Konrad Mizzi.

17 Black hija kumpannija privata. Saret popolari f’ħalq kulħadd għaliex il-Ministru Konrad Mizzi u ċ-chief of staff tal-Prim ministru Keith Schembri għażlu li jsemmu 17 Black bħala ‘target client’ tal-kumpanniji sigrieti tagħhom fil-Panama. Li ma kienx għal Panama Papers la nafu b’Tillgate ta’ Konrad Mizzi, la nafu b’Hearnville ta’ Keith Schembri u l-anqas nafu b’17 Black. Kieku kollox għadu mistur u kieku l-Konrad Mizzi u Kweith Schembri qed jirċievu mingħand 17 Black 150,000 fix-xahar, 5,000 ewro kuljum.

Intant, din il-ġimgħa stess, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia indirizza s-sitwazzjoni li hemm fil-preżent f’Kastilja – dan hekk kif sal-lum il-ġurnata, minkejja l-iskandli tal-Panama Papers u l-kumpanija 17 Black, ħadd għadu ma rreżenja – la Konrad Mizzi u lanqas ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri. Dan kollu flimkien mas-silenzju tal-Prim Ministru Joseph Muscat.

Adrian Delia żied li ħadd mhu se jsikket lilu u lill-Partit Nazzjonalista. Kull tentattiv li qed jagħmel il-Gvern sabiex issikket lil Adrian Delia se jkompli jagħmluh iktar b’saħħtu biex ikompli l-ġlieda tiegħu kontra l-korruzzjoni.