L-eks-Kap tal-Government Communications Headquarters (GCHQ) fir-Renju Unit wissa li Facebook jista’ jiżvolġi bħala theddida għad-demokrazija jekk kemm-il darba dan ma jkunx suġġett għal regolazzjoni aktar riġida.
Il-GCHQ hi organizzazzjoni għas-servizzi sigrieti u s-sigurtà li taħdem spalla ma’ spalla mal-Gvern u l-qawwiet armati Britanniċi. Intant, Robert Hannigan, bħala l-eks-Kap tal-entità, qal lill-BBC li n-nies wara Facebook — protagonista fil-qasam tal-media soċjali – ‘huma aktar interessati f’li jiggwadanjaw mill-user data milli jipproteġu l-privatezza tal-abbonatur’.
Numru ta’ deputati parlamentari, din il-ġimgħa, akkużaw lill-mexxejja ta’ Facebook b’li daħlu fi ftehim sigriet dwar il-user data. Fl-istess ħin din il-kumpanija tal-media soċjali spiċċat mira ta’ kritika għall-mod kif trattat l-aħbarijiet fittizji.
Meta tkellem fuq il-programm Today ta’ BBC Radio 4, Hannigan qal li Facebook mhux xi tip ta’ karità li jipprovdi s-servizzi b’xejn u għandu jitqies bħala intrapriża kummerċjali b’ambizzjonjiet kbar. ‘Dawn il-kumpanniji kbar tat-teknoloġija huma essenzjalment l-akbar sorsi ta’ reklamar fuq livell globali u meta, b’dan, huma jistgħu jiġġeneraw il-biljuni’, spjega l-eks-Kap tal-GCHQ.
Hannigan kompla li ‘f’sitwazzjonijiet fejn in-nies jużaw servizzi ta’ Facebook li jsibu utli, il-kumpanija tieħu d-data u l-informazzjoni tal-individwu u li minnhom kapaċi toħroġ kull qatra ta’ profitt’. Mistoqsi jekk Facebook hux tassew theddida għad-demokrazija, Hannigan aċċenna ‘għall-potenzjal ta’ dan, f’każ li dan il-media soċjali ma jkunx ikkontrollat u regolat’.
Fl-istess ħin, hu qal li l-kumpanniji kbar – ‘partikularment fejn jeżistu monopolji’ – ma jistgħux jirrifurmaw ruħhom u li r-riforma inkwistjoni x’aktarx ikollha tiġi ‘minn barra’.
//= $special ?>

