Internazzjonali

William Barr innominat bħala Avukat Ġenerali tal-Istati Uniti

Il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, innomina lil William Barr biex ikun l-Avukat Ġenerali ġdid minflok Jeff Sessions li kien tkeċċa mill-President, ix-xahar li għadda.

Barr, li għandu 68 sena u li diġà okkupa l-kariga fis-snin disgħin, għandu jmexxi l-investigazzjoni dwar l-allegat indħil tar-Russja fl-elezzjoni tal-2016 għall-Presidenza tal-Istati Uniti. Xi rapporti fl-istampa Amerikana qalu wkoll li Barr ma żammx lura milli jikkritika xi aspetti ta’ din l-investigazzjoni.

L-avukat konservattiv kien serva bħala l-Avukat Ġenerali tal-Istati Uniti bejn l-1991 u l-1993 taħt l-eks-President Amerikan, George W. Bush.

F’każ ta’ konferma mis-Senat ta’ Washington (bħala l-proċess normali wara n-nominazzjoni uffiċjali) William Barr jieħu post Matt Whitaker li, fil-preżent, qed jaqdi r-rwol ta’ Aġent-Avukat Ġenerali tal-Istati Uniti.