Naomi Tanti, żagħżugħa ta’ 24 sena mill-Mosta, ingħatat il-ħelsien mill-arrest fuq numru ta’ kundizzjonijiet wara li fil-jiem li għaddew instabet li kellha fil-pussess tagħha ammont żgħir ta’ droga kannabis, strumenti bil-ponta u armi pprojbiti mil-Liġi.
Hi kienet akkużata wkoll li kisret il-kundizzjonijiet għall-ħelsien mill-arrest li ngħatat sentejn ilu.
Fil-Qorti ngħad kif fil-jiem li għaddew, membri mill-Korp tal-Pulizija avviċinaw il-karozza fejn kien hemm iż-żagħżugħa u li kienet wieqfa. Madankollu, meta nnutat lill-Pulizija mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga u mir-Rapid Intervention Unit, hi sakkret il-bibien u saqet għal fuq is-central strip.
Il-membri tal-Korp segwew il-karozza tal-akkużata sakemm din spiċċa nfaqgħelha t-tire u għalhekk, kellha tieqaf. Kien hawn li fi tfittxija, il-Pulizija sabet l-ammont żgħir tal-pjanta kannabis, kif ukoll l-armi irregolari u l-istrumenti bil-ponta.
Wara li semgħet id-dettalji, il-Qorti ordnat li Tanti tingħata l-ħelsien mill-arrest fuq garanzija personali ta’ €5,000 u depożitu ta’ €5,000 oħra.
Aktar kmieni …
Żagħżugħa ta’ 24 sena mill-Mosta kienet arrestata fl-inħawi tan-Naxxar wara sejba ta’ droga u armi fil-vettura tagħha.
Hi twaqqfet minn Pulizija mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga, assistiti minn membri mir-Rapid Intervention Unit, iżda ż-żagħżugħa ppruvat taħrab bil-vettura mill-post. Meta twaqqfet, hi anke rreżistiet l-arrest.
Fi tfittxija fil-vettura, instab li hi kellha ammont żgħir tal-pjanta kannabis, kif ukoll armi irregolari u strumenti bil-ponta.
Hi kienet arrestata għal aktar interrogazzjoni u mhux eskluż li titressaq il-Qorti taħt arrest fis-sigħat li ġejjin.
//= $special ?>