Lokali

Akkużat li spara tiri u wettaq splużjonijiet u theddid – Taljan maħrub mill-Italja kien f’Malta

Naplitan ta’ 69 sena li kien maħrub mill-Pulizija fl-Italja, ġie arrestat wara li rritorna f’pajjiżu permezz ta’ titjira minn Malta.

Salvatore Cuccaro kien parti minn grupp ta’ tlieta li bil-forza u t-theddid ippruvaw jakkwistaw il-flus mingħand imprenditur Taljan li jaħdem fil-qasam taż-żejt. L-arrest seħħ għall-ħabta tas-19:00 tal-Ġimgħa, immedjatament malli Salvatore wasal fl-Ajruport ta’ Napli.

Cuccaro hu magħruf mal-Pulizija Taljana, tant li fil-passat kellu diversi preċedenti kriminali, b’akkużi ta’ attentat ta’ qtil, reati kontra l-persuna u pussess illegali ta’ armi. Qablu ġew arrestati wkoll in-neputijiet tiegħu Salvatore u Alessio Cuccaro.

It-tlieta li huma jinsabu akkużati li l-ewwel wettqu splużjoni quddiem ir-residenza tal-imprenditur, imbagħad sparaw 9 tiri ta’ arma tan-nar lejn il-faċċata tar-residenza.

Heddew u intimidaw ukoll lill-qraba tiegħu tant li kienu jċemplulhom ripetutament, kif ukoll jibgħatu messaġġi u ritratti lill-familja biex ibeżżgħuhom f’episodji li seħħew bejn Jannar tal-2017 u Frar ta’ din is-sena..

Jirriżulta li l-familja Cuccaro kienet qed titlob lura s-self ta’ €700,000 li l-imprenditur kellu bżonn biex jibda investiment fi Spanja. Meta dawn il-flus ma ntraddewx lura, il-familja arrestata bdiet sensiela ta’ reati kriminali fil-konfront tiegħu.