Liverpool qabżu lil Manchester City fil-quċċata tal-Premier League b’rebħa kbira, 4-0, fuq Bournemouth waqt li s-Citizens kellhom ibaxxu rashom għand Chelsea biex sofrew l-ewwel telfa tal-istaġun wara sittax il-logħba.
Intant, Mohamed Salah, kien l-eroj tal-Merseysiders bit-tieni tripletta tiegħu mindu ngħaqad ma’ Liverpool mingħand Roma, 18-il xahar ilu. Ir-Reds issa qed jittamaw li jgħaddu mill-programm ta’ logħob diffiċli għal żmien il-Milied bl-anqas danni possibbli.
Min-naħa tagħhom, Manchester City, fl-assenza tal-Arġentin, Sergio Aguero, dehru nieqsa mill-ideat fuq quddiem kontra Chelsea, biċ-Champions tal-Ingilterra ma jurux l-istess grinta bħall-Blues anki jekk kienu aħjar mill-avversarji tul l-ewwel taqsima.
Chelsea, li ftit tal-jiem ilu tilfu b’sorpriża għand Wolves, skurjaw l-ewwel gowl kontra City fil-45 minuta u kontra x-xejra tal-logħob meta N’Golo Kante irċieva mingħand Hazard u spara ġewwa mill-viċin. Ir-reazzjoni ta’ City, fit-tieni taqsima, kienet pjuttost konfuża u Chelsea żiedu fil-fiduċja fejn operaw sensiela ta’ kontra-attakki fuq il-lasta ta’ Ederson. Kien 12-il minuti mit-tmiem li l-Blues issiġġillaw ir-rebħa, meta David Luiz, mill-ġdid, għeleb lil Ederson b’daqqa ta’ ras fuq azzjoni ta’ korner għat-2-0 finali.
Aktar kmieni fil-ġurnata, Liverpool fetħu tajjeb kontra Bournemouth fil-Vitality Stadium, għalkemm l-ewwel gowl tar-Reds wasal minn pożizzjoni ċara ta’ offside meta l-gowlkiper taċ-Cherries, Begovic, ma żammx ix-xutt mill-bogħod ta’ Firmino u Salah ma kellux diffikultà biex jixħet ġewwa – bir-referi jagħlaq għajnejh għall-irregolarità.
Intant, it-tieni taqsima kienet kollha ta’ marka ‘Liverpool’, b’Salah jagħmilhom 2-0 fit-48 minuta, bil-vantaġġ tar-Reds jiżdied, 20 minuta wara, b’awtogol spettakolari ta’ Steve Cook li għeleb lill-gowlkiper tiegħu b’backheel akrobatiku. L-aħħar kelma, intant, kienet ta’ Salah li, fis-77 minuta, qabeż darbtejn lil Begovic waqt li żbilanċja żewġ difensuri fuq il-linja biex, bil-kalma kollha, sab ir-rokna tax-xibka għal 4-0.
Arsenal kellhom jitħabtu ferm biex jegħlbu lil Huddersfield Town fl-Emirates Stadium iżda l-gowl ta’ Torreira, skurjat fit-83 minuta, ta t-tliet punti importanti lill-Gunners li din is-sena qed jissieltu bis-sħiħ għal post fit-‘Top Four’ tal-Premier League. Għalkemm il-Gunners dehru nieqsa mill-kwalità u ftit ħolqu ċansijiet tul il-logħba, kellu jkun Pierre-Emerick Aubameyang li pprovda chip perfett għal ġol-kaxxa li minnu Torreira għeleb lill-gowlkiper Lossl b’volley akrobatiku għall-uniku gowl tal-logħba. B’din it-telfa, Huddersfield niżlu mill-ġdid fiz-zona l-ħamra tal-klassifika fejn huma segwiti biss minn Southampton u Fulham.
Manchester United irreġistraw l-akbar rebħa tal-istaġun, 4-1, għall-ispejjeż tat-tim tal-qigħ, Fulham, f’Old Trafford. B’din ir-rebħa – l-ewwel fil-league wara ħames logħbiet – ir-Red Devils telgħu fis-sitt post tal-Premier League, b’Fulham, issa, isofru xejn anqas minn 40 gowl fl-ewwel sittax il-logħba tagħhom fl-ogħla diviżjoni. It-tim ta’ Josè Mourinho kiseb il-vantaġġ fit-13-il-minuta b’xutt bid-dawwra ta’ Ashley Young, b’Marcus Rashford, minuti wara, jipprovdi assist għal Mata biex jagħmilhom 2-0 u b’Lukaku jiskorja t-tielet qabel il-mistrieħ fuq xogol tajjeb ta’ Mata. F’nofs it-tieni taqsima, Fulham naqqsu d-distakk minn penalty skurjat mis-sostitut Kamara wara fawl ta’ Herrera fuq l-istess plejer. Iżda ftit wara, il-Cottagers spiċċaw b’għaxra meta Zambo Anguissa ntwera tieni safra, b’Rashford, fit-82 minuta, jegħleb lill-gowlkiper, Sergio Rico, għar-raba’ darba minn angolu diffiċli.
Burnley telgħu żewġ punti ‘il fuq miz-zona l-ħamra b’rebħa, 1-0, fuq Brighton f’Turf Moor. Il-Clarets kienu ilhom tmien logħbiet mingħajr rebħa fil-Premier League, iżda l-gowl ta’ James Tarkowski , skurjat fl-ewwel taqsima, kien biżżejjed biex jagħti ftit tan-nifs li t-tim ta’ Sean Dyche li kellu jitħabat ferm biex iżomm il-vantaġġ minimu. Brighton rari impenjaw lill-gowlkiper, Joe Hart, iżda fl-aħħar ħinijiet, is-sostitut Locadia mar qrib li jsalva punt b’daqqa ta’ ras li għaddiet barra mill-viċin.
Kompla l-inkwiet għal Southampton li ħarġu mill-Cardiff City Stadium b’idejhom vojta minkejja l-bidla maniġerjali ta’ nofs il-ġimgħa fejn Ralph Hasenhuttle ħa post l-imkeċċi Mark Hughes fuq il-bank tas-Saints. Cardiff City tilfu numru ta’ ċansijiet fl-ewwel taqsima iżda meta l-affarijiet bdew jidhru favorevoli għal Southampton, il-Bluebirds skurjaw l-uniku gowl tal-logħba meta d-difensur tas-Saints, Vestergaard, tilef il-pussess tal-ballun, b’Callum Paterson isib ix-xibka b’xutt mhux daqstant qawwi.
West Ham United biddlu telfa f’rebħa fid-derby ma’ Crystal Palace fil-London Stadium u issa telgħu fl-għaxar post tal-klassifika wara bidu tal-istaġun diżastruż. Gowl ta’ McArthur għal Palace, wara biss sitt minuti, ħasad lill-Hammers iżda huma wieġbu bl-aħjar mod, bi tliet gowls skurjati kollha fit-tieni taqsima minn Snodgrass (48), Hernandez (62) u Felipe Anderson (65), bi Schlupp jagħti ftit tama lill-Eagles meta naqqas id-distakk fis-77 minuta. Intant, West Ham, minn dak il-ħin għalqu l-ispazji kollha u ddefendew ir-riżultat sal-aħħar biex aċċertaw mit-tielet rebħa konsekuttiva fil-kampjonat.
Tottenham Hotspur għelbu lil Leicester City, 2-0, fil-King Power Stadium biex ikkonsolidaw it-tielet post fil-Premer League. Spurs, li niżlu għal din il-logħba mingħajr l-attakkant prolifiku, Harry Kane, sabuha diffiċli fl-ewwel ħinijiet iżda sekondi qabel il-mistrieħ, l-attakkant Korean, Son Heung-Min, sab ir-rokna tax-xibka b’xutt preċiż minn barra l-kaxxa. Spurs niżlu għat-tieni taqsima b’aktar determinazzjoni u fit-58 minuta, Dele Alli rdoppja bir-ras fuq il-cross ta’ Son, bil-Foxes ma jkollhom l-ebda risposta.
//= $special ?>