Fis-swali mediċinali tal-isptar Mater Dei instab il-mikrobu magħruf bħala VRE jew Vancomycin Resistant Enterococcus. Net News tkellem mal-awtorijatiiet li vverifikaw li s’issa pazjent wieħed żviluppa l-infezzjoni u ħames pazjenti oħra għandhom il-mikrobu.
Dawk kollha li għal xi raġuni jew oħra jidħlu l-isptar għandhom joqgħodu ferm attenti għaliex jistgħu ikun qed jesponu lilhom infushom għal dan il-mikrobu.
Dan il-mikrobu huwa reżistenti għat-trattament u għalhekk il-kura tiegħu hija iktar ikkumplikata minn infezzjonijiet oħra. Jekkk mhux trattat, l-infezzjoni tista twassal għal kumplikazzjonijiet serji fis-saħħa tal-pazjent.
Il-VRE huwa komuni f’xi sptarijiet barra minn Malta u il-probabiltà hu li pazjent li kien għal trattament barra seta’ ġab miegħu dan il-mikrobu.
Il-mikrobu innifsu jista’ jdum ma jimmanifesta ruħu iżda jaf iwassal għal infezzjonijiet fl-awrina, jew fid-demm jew fi ġrieħi li wieħed jista jkollu. Dawk fl-ikbar riskju huma persuni li ħadu antibijotiċi fl-aħħar jiem, jew li ġew operati fiż-żaqq jew is-sider, dawk b’sistema immunitarja baxxa u pazjenti li kienu fis-swali tal-kuraintensiva.
Fl-isptar Mater Dei qed jittieħdu il-prekawzjonijiet kollha sabiex it-tixrid ta’ dan il-mikrobu jiġi kkontrollat u qed isir appell sabiex min jidħol l-isptar għal xi raġuni kemm bħala pazjent kif ukoll bħala viżitatur jieħdu l-prekazzjonijiet kollha sabiex jevitaw it-tixrid tal-mikrobu. Fost l-oħrajn importanti li wieħed jaħsel idejh sew u ta’ spiss.
//= $special ?>