Lokali

Mixja favur il-ħajja

Jennifer Christie kienet mara b’karriera, miżżewġa u b’erbat itfal meta f’temp ta’ ftit minuti rat ħajjitha tinqaleb għal kollox ta’ taħt fuq.

Christie kienet qegħda fuq xogħol meta ġiet attakkata minn ġuvni li sawwatha u stupraha u ħallieha mitluqa f’nofs ta’ triq. Fl-attakk hi sofriet ksur ta’ għadam, ħsara interna u emoraġija f’moħħha u kellha tgħaddi minn sitt operazzjonijiet wara dan l-attakk. Episodju li ħalliha tbati minn attakki tal-epilessija.

Iżda meta kienet bdiet it-triq iebsa tal-fejqan kemm fiżiku kif ukoll dak emozzojonali u psikoloġiku, ħadet l-aħbar li kienet tqila. Din l-aħbar ħasdet lill-familja kollha iżda Jennifer u żewġha Jeff irreaġixxew b’mod immedjat u ddeċidew li t-tarbija jrabbuha bħala binhom.

Jennifer tkellmet dwar il-mument meta rat it-tarbija għall-ewwel darba fuq ultrasound, u tgħid li f’dak il-mument meta ħasbet li kienet se tħoss rabja jew biża’, minflok ħasset emozzjonijiet kompletament differenti. Jennifer tgħid li l-mument li rat dik i-ttikka fuq il-monitor, ħasset xi ħaġa terġa tieħu l-ħajja ġo fiha, donnu li mid-dalma tat-trawma li kienet sofriet, nibtet imħabba li ma kienitx qed tistenniha.

Christie tgħid li meta ħadu d-deċiżjoni li jżommu t-tarbija, xi tobba ma qablux u qalulha li t-tifel se jibqa’ jfakkarha dejjem f’dan l-episodju ikrah, iżda hi tgħid li għall kuntrarju it-tifel hu xhieda ħajja tas-saħħa li għandhom in-nisa, li l-imħabba hi l-aktar b’saħħitha mill-mibgħeda u li l-bidu tal-ħajja tagħna ma tiddeterminax il-kumplament tal-ħajja tagħna.

Christie ilha għall-aħħar snin iddur u titkellem dwar l-esperjenza tagħha. Xi ħaġa li qatt ma ħasbet li kienet se tagħmel, imma li qalet li mindu bdiet titkellem fil-pubbliku dwarha ressqu lejha eluf ta’ nisa li rringrazzjawha talli qasmet l-istorja tagħha u li permezz ta’ hekk wasslithom biex jibdlu d-deċiżjoni tagħhom li jaboritxxu.

Jennifer u Jeffrey Christie tkellmu dwar l-esperjenza tagħhom waqt il-programm Net Live f’intervista ma’ Lisa Spiteri u se jkunu qegħdin jipparteċipaw fil-Mixja Favur il-Ħajja organizzata mill-Life Network Foundation Malta li se ssir fil-Belt Valletta għada l-Ħadd 9 ta’ Diċembru fit-3.30pm. Il-Mixja titlaq minn Pjazza Kastilja u tulha se jkun hemm il-partċipazzjoni Live tal-grupp New Victorians. Dawk kollha favur il-ħajja huma mħeġġa jattendu.