Meta f’rapporti ġurnalistiċi niltaqa’ mat-terminu police sources, qalbi tagħmel ‘tikk’ u f’moħħi jibdew deħlin is-suspetti. Mhux biss f’kitbiet lokali. Ngħidu aħna fl-Italja, ħafna drabi dawn il-police sources jintużaw għal dak li jissejjaħ depistaggio, jiġifieri biex jiddevjaw l-attenzjoni minn fuq il-ħati veru u jiżvijaw l-investigazzjoni li tkun qed issir.
Suspett bħal dan f’moħħi jikber ħafna aktar meta dawn il-police sources f’daqqa waħda jsiru buddy buddy ma’ dak li jissejjaħ unlikely source, jiġifieri f’xi sezzjoni tal-midja li mhix magħrufa li normalment hi l-favorita tal-Pulizija u tar-reġim li jkun ħakimha u qed jużaha. Hemmhekk imbagħad ngħid, din id-darba bit-Taljan, li c’è qualcosa che non va.
Dan naħsbu meta, ngħidu aħna, wieħed minn dawn ir-rapporti li jkun attribwit lill-police sources jiżvela tarf tal-akbar misteru ta’ bħalissa fid-dominju pubbliku lokali, u ftit sigħat wara, Stephen Gray, korrispondent awtorevoli tar-Reuters, jirrapporta li dan ma kienx il-każ u li ma kienx identifikat min kien il-mandante tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Jien bl-ebda mod ma nikkundanna jew niċċensura lill-ġurnalist li jkun qed jirrapporta skont il-police sources. Iżda, mill-banda l-oħra rrid ngħid li dawn is-sources mhumiex impersonali iżda jippreżumu li qed jirrappreżentaw persuna jew persuni u, f’dan il-każ, bilfors iridu jkunu uffiċjali għoljin tal-Pulizija. U dawn, min-naħa tagħhom, jistgħu ma jkunux qed jaġixxu minn jeddhom iżda, kif jiġri f’ħafna każi, ikunu manuvrati minn livelli ogħla, kemm tal-Pulizija, kif ukoll ta’ forzi politiċi moħbijin b’wiċċhom mgħotti.
Billi jien ma twelidtx ilbieraħ, u billi qattajt aktar minn 40 sena fil-ġurnaliżmu lokali, fiċ-ċirkustanzi politiċi attwali, meta sirt niltaqa’ mat-terminu police sources, moħħi awtomatikament jeskludi lill-Pulizija u, minflok, imur fuq l-inkwilini ta’ Kastilja. Xi ħadd jista’ jagħtini tort?
//= $special ?>