Lokali

Sewwieqa tal-minibuses jheddu li se jwaqqfu s-servizz

Operaturi involuti fl-iskemi tat-trasport b’xejn tal-iskola mhumiex qed jitħallsu. Diversi sewwieqa qed jheddu li jwaqqfu s-servizz tagħhom sakemm il-kwistjoni ma tiġix solvuta.

L-operaturi u s-sewwieqa li tkellmu mal-gazzetta ‘Times of Malta’ qed jinsistu li għalkemm kienu qed iwasslu lit-tfal minn u lejn l-iskejjel kuljum mill-bidu tas-sena skolastika, kienu għadhom ma tħallsux ta’ dan.

Filfatt kien hemm xi sewwieqa li infurmaw lill-ġenituri li jistgħu ma jibqgħux f’pożizzjoni li jipprovdu dan is-servizz. Dan minħabba li għalkemm kellhom joħorġu l-flus huma minn buthom għall-fjuwil u biex ikopru l-ispejjeż, ma kinux qed jitħallsu ta’ dan.

Kuntratturi saħqu li kienu qed jitħabtu biex iħallsu lis-sewwieqa minħabba li ma kinux qed jieħdu l-ħlasijiet tagħhom mill-Gvern.

L-iskema tat-trasport b’xejn bdiet għall-ewwel darba f’Settembru. Ripetutament kien hemm diversi rapporti negattivi dwar din l-iskema, bil-ġenituri u l-iskejjel jirrimarkaw diversi nuqqasijiet.

Ġranet qabel ma l-iskejjel fetħu l-bibien tagħhom, kien hemm aktar minn 800 student jistennew għal post fuq minibus. L-operaturi saħqu li konsegwenza ta’ dan kollu hu n-nuqqas ta’ pjanar meħtieġ mill-Gvern.