Futbol Sport

Valletta fis-seba’ sema

(Ritratt: Domenic Aquilina)

TARXIEN R………………. 0   VALLETTA………………. 7

Tarxien: A. Cassar, A. Scicluna, D. Zerafa, M. Botta (M. Spiteri 46’), S. Radovanovic, A. de Barros, J. Wemmer, A. Agius, R. Faria, J. da Paixao Alves (G. Aquilina 46’), M. Paolucci (D. Vassallo 81’)

Valletta: H. Bonello, E. Pena Beltre, S. Borg (Z. Soussi 56’), J. Caruana, J. Borg, R. Muscat, S. Malano (S. Dimech 80’), R. Saleh, M. Piciollo, M. Fontanella, B. Kaljevic (K. Nwoko 68’)

Imwissija: J. da Paixao Alves, S. Malano 55’ (V)

Skorjaw: B. Kaljevic 8’, M. Fontanella 13’, 41’, M. Piciollo 25’, R. Saleh 35’

Referee: Andi Koci (Albanija)

Assistenti Referees: Endrit Veseli, Erind Burgu

Il-Mument Plejer tal-logħba: Raed Saleh (Valletta)

Attendenza: 560

L-akbar rebħa tal-istaġun ta’ Valletta fissret li telgħu momentarjament fil-quċċata. Tliet punti li wasslu bi ftit tbatija hekk kif iddominaw lil Tarxien Rainbows tul id-90 minuta, bil-koppja Bojan Kaljevic u Mario Fontanella terġa’ tirritorna b’ħames gowls.

Jonathan Caruana reġa’ beda mill-bidu flok l-imweġġa’ Ryan Camilleri, b’Jean Borg jibda fuq ix-xellug flok Joseph Zerafa. Tarxien kellhom lill-kowċ Jose Borg sospiż wara li tkeċċa kontra Pietà Hotspurs.

Valletta mill-bidu fuq l-attakk u wara erba’ minuti marru mill-ewwel viċin bi kross ta’ Matteo Piciollo fil-kaxxa lejn Mario Fontanella li mattar siequ iżda x-xutt tiegħu spiċċa ftit barra. L-iskor infetaħ erba’ minuti wara bl-attakkant BOJAN KALJEVIC jegħleb lil Andrea Cassar b’xutt fil-baxx mill-kaxxa.

Żewġ minuti wara Raed Saleh mar viċin b’xutt għar-rokna ta’ fuq li kien imdawwar bi bravura minn Andrea Cassar biex fit-12-il minuta l-istess Cassar dawwar f’korner xutt mill-viċin ta’ Kaljevic. Iżda minuta wara MARIO FONTANELLA rdoppja l-iskor b’ġest akrobatiku mill-kaxxa ż-żgħira.

L-iskor kompla jikber fil-25 minuta meta xuttijiet ta’ Saleh u Fontanella kienu blokkati parzjalment, bil-ballun jieqaf quddiem MATTEO PICIOLLO li b’xutt b’saħħtu fis-saqaf tax-xibka ħalla lil Cassar iħares. It-tim ta’ Danilo Doncic kompla bl-attakki u fit-33 minuta Andrea Cassar dawwar f’korner bil-ponta ta’ siequ xutt ta’ Saleh.

Iżda żewġ minuta wara Valletta skorjaw ir-raba’ gowl, b’RAED SALEH jieħu vantaġġ minn passaġġ ħażin fin-nofs ta’ Tarxien, avvanza, daħal fil-kaxxa u b’xutt minn qagħda ideali skorja fuq it-tieni lasta. Fl-40 minuta free-kick ta’ Malano għadda ftit barra u minuta wara ġie skorjat il-ħames gowl Belti, b’MARIO FONTANELLA jieħu vantaġġ minn indeċiżjoni fid-difiża ta’ Tarxien u għeleb lil Cassar b’xutt meqjus.

L-andament tal-logħba baqa’ l-istess fit-tieni taqsima b’Valletta jikkontrollaw mingħajr diffikultà. Fil-51 minuta Mario Fontanella prova jgħaqqad it-tripletta b’xutt li kien salvat tajjeb minn Cassar wara kross ta’ Piciollo. Fid-59 minuta Valletta skorjaw is-sitt gowl meta ngħataw penalty għal fawl ta’ Andrè Scicluna fuq Raed Saleh. Mill-11-il metru BOJAN KALJEVIC skorja b’xutt fil-baxx.

Fis-70 minuta free-kick ta’ Piciollo indirizzat għar-rokna kien salvat bi bravura minn Cassar, biex fis-87 minuta Valletta skorjaw is-seba’ gowl bi kross mix-xellug tas-sostitut Zied Soussi lejn MARIO FONTANELLA li b’xutt mill-ewwel fuq l-ewwel lasta għeleb lil Cassar.