Il-Ministru tal-Finanzi Franċiż, Bruno Le Maire, tkellem wara l-aħħar mewġa ta’ protesti mill-moviment ‘tal-ġgieget sofor’ fil-pajjiż u qal li l-azzjonijiet tagħhom ħallew effett katastrofiku għall-ekonomija ta’ Franza.
Madwar 125,000 dimostrant, nhar is-Sibt, reġgħu ħarġu fit-toroq ta’ Pariġi u fejn seħħew ‘il fuq minn 1,700 arresti. Intant, wara ġurnata oħra ta’ vjolenza, il-Ministru Le Maire fisser is-sitwazzjoni bħala ‘kriżi għas-soċjetà Franċiża kif ukoll għad-demokrazija fil-pajjiż’.
L-aħħar ġimgħat fi Franza kienu karatterizzati b’dimostrazzjonijiet ( fi tmiem il-ġimgħa) kontra taxxa fuq il-fuel, kif ukoll kontra l-ispejjeż tal-ħajja għoljin u issues oħra.
Sadanittant, Le Maire qal – waqt li żar il-ħwienet ta’ Pariġi li sfaw mira ta’ vjolenza fost il-protesti — li ‘l-ekonomija u l-qasam kummerċjali ta’ Franza qegħdin jiffaċċjaw katastrofi fi żmien inċert għall-aħħar.’
Minbarra li kissru t-twieqi ta’ ħafna stabbilimenti u banek, numru ta’ dimostranti, nhar is-Sibt, ħarqu l-karozzi u serqu mill-ħwienet fil-kapitali. Fil-fatt, l-awtoritajiet f’Pariġi qalu li l-protesti tas-Sibt ‘irriżultaw f’ħafna aktar ħsarat mid-dimostrazzjonijiet ta’ ġimgħa ilu fil-kapitali’.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Franċiż għall-Affarijiet Barranin Jean-Yves Le Drian irreaġġixxa b’rabja għall-messaġġi tal-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, li, permezz ta’ Twitter, deher qed jissuġġerixxi li ‘l-inkwiet fi Franza kien kaġun tal-Ftehim ta’ Pariġi dwar il-Klima’. Le Drian qal, intant, li hu u l-Presidenza Franċiża ‘qegħdin jgħidu lil Trump biex iżomm lura minn dan it-tip ta’ kummenti dwar pajjiżhom.
Il-President ta’ Franza, Emmanuel Macron – li hu l-mira tal-għadab fost ħafna mid-dimostranti Franċiżi – mistenni jagħmel diskors importanti lin-nazzjon fil-jiem li ġejjin. Dan meta r-rati tal-popolarità għall-President niżlu għal 23 fil-mija fost il-kriżi, dejjem skont l-aħħar stħarriġ, fi Franza.
Intant, l-awtoritajiet f’Pariġi qed jgħidu li l-irvellijiet tal-‘ġgieget sofor’ swew l-ekwivalenti ta’ miljuni kbar ta’ ewro fi ħsarat.
//= $special ?>

