Internazzjonali

Iċ-Ċina tinsisti biex il-Kanada teħles lis-CFO ta’ Huawei u twissi dwar ‘konsegwenzi’

Iċ-Ċina qed twissi lill-Kanada li jkun hemm ‘il-konsegwenzi serji’ f’każ li l-awtoritajiet Kanadiżi ma jeħlisux immedjatament lill-Uffiċjal Ewlieni tal-Finanzi (CFO) tal-kumpannja Huawei Technologies – bil-kelliema f’Beijing jirreferu għal dan il-każ bħala ‘wieħed ikrah ħafna’.

Meng Wanzhou, li hi wkoll it-tifla tal-fundatur tal-kumpannija inwistjoni, kienet arrestata fil-Kanada fl-Ewwel ta’ Diċembru u qed tiffaċċja estradizzjoni għall-Istati Uniti. Dan meta l-Amerikani qed jallegaw li Meng ippruvat taħbi r-rabtiet tal-kumpannija tagħha ma’ kumpannija oħra li pruvat tbiegħ it-tagħmir lill-Iran minkejja s-sanzjonijiet effettivi fil-konfront tal-Istat Iżlamiku.

F’każ li Meng tkun estradita lejn l-Istati Uniti, hi għandha tiffaċċja akkużi dwar ‘kumplott bil-għan ta’ frodi għall-iskaptu ta’ diversi istituzzjonijiet finanzjarji’. Kull akkuża fuq dan il-livell kapaċi ġġorr piena ta’ 30 sena ħabs.

Intant, ma ttieħdet l-ebda deċiżjoni waqt is-smigħ għall-estradizzjojni, wara sigħat ta’ argumenti u kontro-argumenti – bis-smigħ inkwistjoni jkun aġġornat għal għada, it-Tnejn.

Intant, il-Gvern Ċiniż wassal it-twissija lill-Kanada permezz tal-Ambaxxatur Kanadiż f’Beijing u li kien bagħat għalih biex iressaqlu ‘protesta qawwija dwar iċ-ċirkustanzi’.

Il-Kanada, min-naħa tagħha, qed tgħid li r-relazzjonijiet maċ-Ċina huma ‘importanti u ta’ valur’ waqt li għamlitha ċara li Meng Wanzhou qed tkun ipprovduta b’aċċess konsulari. Sadanittant, iċ-Ċina kompliet tinsisti li l-arrest ta’ Meng fuq it-talba tal-Istati Uniti – u li seħħet meta hi kienet qed tħejji biex taqbad ajruplan minn Vancouver – ‘seħħ b’abbuż serju tad-drittijiet tagħha bħala persuna’.