Lokali

Il-ftit magħżula tal-Gvern qed jagħmlu l-miljuni u jippruvaw jaħbu l-każijiet ta’ korruzzjoni

“Il-Gvern Laburista li suppost huwa Gvern tal-ħaddiema qiegħed joħloq soċjetà fejn il-ftit tal-qalba qed jitħanżru u jaqilgħu il-miljuni. Dawn il-ftit tal-qalba qed jisirqu lin-nies u b’mod mill-aktar viljakk qegħdin jippruvaw jibqgħu jaħbu l-verità.”, hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia fuq NET FM.

Dr Delia qal fil-Jum Internazzjonali kontra l-Korruzzjoni huwa surreali kif il-Gvern Laburista jibqa’ jipprova jaħbi l-każijiet kollha ta’ korruzzjoni. Dan meta l-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna jibqa’ skantat kif kulħadd ikellmu fuq il-korruzzjoni f’Malta meta jkun barra minn pajjiżna u meta l-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi jibqa’ jgħid li ma jafx li teżisti l-kumpanija 17 Black f’Dubaj meta kien hu stess flimkien maċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri li qalu li se jirċievu €150,000 fix-xahar kull wieħed minn din il-kumpanija.

Adrian Delia qal li r-rapport tal-Awditur Ġenerali dwar il-kuntratti li l-Enemalta ffirmat mal-Electrogas għall-power station il-ġdida f’Delimara huwa kundanna kbira għall-Gvern. Huwa qal li l-Ministru Konrad Mizzi qed jgħix f’dinja parallela u qed jidħak bin-nies u jifraħ b’dan ir-rapport meta dan jikkonferma li l-kuntratt tal-Electrogas kien imbagħbas mill-bidunett għaliex dawk li tefgħu l-offerti tagħhom għall-bini tal-power station ma ġewx trattati bl-istess mod.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li meta Konrad Mizzi qed jgħid li dan ir-rapport li qed jikkundannah huwa xhieda ta’ best practice ifisser li se jibqa jisraqna fuq il-kuntratti kollha tal-Gvern li se jiġu ffirmati. Huwa qal li l-investituri mhux qed jiġu trattati bl-istess mod mill-Gvern u investitur ma jasalx jekk ma jkollux l-għajnuna tal-Ministru Konrad Mizzi jew tal-konsulent f’Kastilja Brian Tonna ta’ Nexia BT. Adrian Delia qal li l-Oppożizzjoni se tibqa’ titkellem fuq il-korruzzjoni sakemm il-Gvern se jibqa’ jisraq lin-nies bħalma qed jisraqna €200 miljun kull sentejn mill-power station tal-Electrogas.

Dr Delia qal li l-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia hija theddida fuq il-libertà tal-espressjoni, fuq il-midja u d-demokrazija. Huwa qal li l-libertà tal-espressjoni huwa dritt fundamentali f’soċjetà demokratika, fejn persuna tista’ tikteb u titkellem b’mod liberu mingħajr ma tiġi mhedda jew maqtula. Adrian Delia qal li l-Oppożizzjoni ressqet mozzjoni fil-Parlament sabiex tara jekk il-Gvern għamilx dak kollu biżżejjed biex jilqa’ minn qabel għall-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia u jekk hux qed isir minn kollox biex jiġi salvagwardjat d-dritt tal-libertà tal-espressjoni f’pajjiżna.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li llum se ssir maratona ġbir ta’ fondi bit-tema Ġid għal Kulħadd f’Soċjetà li Jimpurtaha. Adrian Delia qal li l-Partit Nazzjonalista mhux il-partit li juża l-fondi tal-pajjiż daqslikieku huma fondi tiegħu jew li jbill subgħajh fil-kuntratti pubbliċi. Aktar minn qatt qabel, il-vuċi tal-Partit Nazzjonalista għandu sinjifikat għan-nies meta qed immorru għand in-nies u huma jiġu għandna biex nisimgħuhom u nkunu l-vuċi tagħhom.

Adrian Delia qal li l-Partit Nazzjonalista jemmen f’soċjetà li jimpurtaha fejn il-ġid li jinħoloq verament jasal għand kulħadd u għalhekk stieden lil dawk kollha li jemmnu bħalna biex jgħinu lill-Oppożizzjoni bid-donazzjonijiet tagħhom waqt il-maratona ġbir ta’ fondi.