Lokali

Il-Gvern qed jikkunsidra li jagħmel referendum għad-dħul tal-abort

Il-Gvern ta’ Joseph Muscat jidher li mbarka fuq pjan mhux daqstant fit-tul biex fil-pajjiż ikun hawn kampanja li tagħmel possibbli li jsir l-abort fi sptarijiet liċenzjati għal dan l-iskop.

Għaldaqstant Kastilja diġà mbarkat fuq numru ta’ diskussjonijiet kif se jitwassal dan il-ħsieb fis-soċjetà Maltija u Għawdxija… anki jekk il-Gvern jista’ jkun akkużat li f’din il-leġislatura ma għandux il-mandat biex idaħħal tali liġi favur ċerti raġunijiet li jagħmlu l-abort permissibbli. Għal dan l-argument qed jintuża l-eżempju tad-divorzju, fejn lanqas Lawrence Gonzi ma kellu mandat iżda xorta sar referendum u daħal taħt Gvern Nazzjonalista.

Il-pjan ta’ Kastilja fih innifsu hu wkoll piż ġdid fuq il-Prim Ministru Joseph Muscat li issa jrid jara kif se jagħmel iċ-ċaqliq ġdid meħtieġ anki fuq livell ta’ Presidenza.

Jekk il-Ministru Evarist Bartolo kien diġà identifikat għal tali ħatra, issa jidher li kollox tar mar-riħ grazzi għal dak li tixtieq Kastilja jekk jidħol l-abort fil-pajjiż.

Hu sigriet magħruf li b’Evarist Bartolo President ta’ Malta, il-Gvern ta’ Joseph Muscat kien se jkollu diffikultà kif dan l-Abbozz ta’ Liġi jsir Liġi għaliex Evarist Bartolo ma jidhirx li se jkun pront li jiffirma tali Abbozz ta’ Liġi, bħalma mhix lesta li tagħmel dan il-President uxxenti Marie-Louise Coleiro Preca.

Jirriżulta għaliex il-kandidatura ta’ Evarist Bartolo għal President ta’ Malta issa twarrbet. Minkejja dan il-kandidatura tal-eks Ministru George Vella xorta waħda ma daħlitx fis-seħħ għaliex hu magħruf li t-Tabib hu għalkollox kontra kull forma ta’ abort u għalhekk bih bħala President ta’ Malta, il-Gvern ta’ Joseph Muscat xorta waħda kien se jiffaċċja problemi kbar u l-Abbozz ta’ Liġi sussegwentement ma jimmaterjalizza qatt bħala Liġi.

F’dan ix-xenarju jidher ċar li ħarset Joseph Muscat issa qed tiffoka fuq il-Ministru Helena Dalli li diġà ma ipprestatx ruħha bħala kontra xi tip ta’ abort bħal pereżempju abort kawżat minn stupru.

Diġà f’Marzu li għadda l-Ministru Helena Dalli kienet iddieħqet meta quddiem konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti kixfet bi kliemha stess il-mod kif il-Partit Laburista rnexxielu jidħak bin-nies biex idaħħal l-unjoni ċivili.

Hi kienet qed tindirizza attività tal-Kummissjoni dwar l-Istat tan-Nisa meta lil dawk preżenti qaltilhom: “Ħa nirrakkuntalkom storja”, u kompliet tirrakkonta kif il-poplu ma kienx jaf x’kellu f’moħħu l-Partit Laburista meta ġie ppreżentat il-manifest elettorali tal-Partit Laburista.

“Meta konna se ndaħħlu l-unjoni ċivili fl-2014, tmenin fil-mija tal-poplu ma kienx favur. Imma l-maġġoranza xorta vvutatilna, għax taf int, programmi elettorali huma pakketti sħaħ, u aħna poġġejna ‘ugwaljanza’ bħala pilastru ewlieni tal-Gvern”, qalet il-Ministru Helena Dalli waqt li bdiet togħxa bid-daħk.

Il-mod kif il-Ministru minn Malta bdiet tidħak quddiem il-barranin biex tirredikola l-mod kif il-poplu Malti ma kienx jaf x’kellu f’moħħu l-Partit Laburista, kien wassal għal bosta reazzjonijiet ta’ diżappunt u rabja.

Bl-ammissjoni tagħha stess u bil-provi, daħket bin-nies f’wiċċhom, u hu għalhekk leġittimu li l-poplu jistaqsi għaliex Helena Dalli u Joseph Muscat riedu jneħħu l-protezzjoni tat-tarbija fil-ġuf. Il-mistoqsijiet illum jissoktaw u bir-raġun kollu li wieħed jistaqsi: X’inhuma l-intenzjonijiet veri tagħhom?

Wara dak li nkixef bil-provi li l-Ministru Helena Dalli u l-Gvern ta’ Joseph Muscat daħku bil-poplu meta ħbew l-intenzjonijiet aħħarin tagħhom fil-programm elettorali tal-2013, issa aktar minn qatt qabel u bir-raġun kollu li qed jikbru d-dubji dwar l-intenzjonijiet veri tal-Gvern li rrifjuta li jżomm klawsola fil-liġi dwar il-vjolenza domestika li tipproteġi lit-tarbija fil-ġuf.

Fid-diskussjoni fil-Parlament dwar il-vjolenza domestika, liema diskussjoni saret ftit tax-xhur ilu biss, il-Ministru Helena Dalli baqgħet tinsisti li għandha titneħħa l-protezzjoni tat-tarbija fil-ġuf, dik tal-mara li tkun tqila meta hi tkun vittma ta’ vjolenza domestika.

Anke wara li l-Oppożizzjoni ġibditilha l-attenzjoni diversi drabi u b’insistenza, il-Ministru m’aċċettatx li din il-protezzjoni terġa’ tidħol fis-seħħ.

Mal-midja, il-Ministru Dalli diġà ddikjarat ukoll li lesta tiddiskuti, wara l-appelli li saru biex jibda dibattitu pubbliku dwar l-introduzzjoni tal-abort.

B’din id-dikjarazzjoni, il-Ministru Dalli qiegħda terġa’ tinħeba bl-iskuża tal-ugwaljanza biex timbotta d-diskussjoni fuq l-abort. Dan meta l-aħħar surveys juru li 97 fil-mija tal-Maltin ma jaqblux mal-abort u allura m’hawnx lok għall-introduzzjoni tal-abort f’Malta.

Skont is-Safe Life Guidelines tar-Renju Unit, “Physical violence can occur for the first time or get worse during pregnancy.” Riċerka fl-Awstralja maħruġa mill-Australian Institute of Family Studies tgħid li: “women are at greater risk of experiencing violence from an intimate partner during pregnancy.”

Il-Partit Nazzjonalista jinsisti li m’hemmx raġuni valida għaliex il-klawsola tal-protezzjoni tat-tarbija fil-ġuf għandha titneħħa mil-liġi eżistenti tal-vjolenza domestika.